Thursday, March 28, 2024

Tkeċċa mix-xogħol… isib xogħol fl-ajruport iżda waqqfuh minħabba l-Covid-19

… wara ħadem fuq tower crane u kellu aċċident fejn sieħbu miet

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ħaddiem irrakkonta dak li għadda minnu f’temp ta’ ftit xhur fejn wara mument ħażin li kien fih fejn mitulu żewġ żijiet u ġie infurmat li ommu kien ħassha ħażin hu spiċċa kisser locker, li finalment wasslu biex tilef xogħlu.  Wara kien spiċċa għamel sena u xahrejn bla xogħol, fejn imbagħad finalment kien sab xogħol mal-gvern fl-ajruport. Biss anki minn hawn spiċċa kien twaqqaf din id-darba ir-raġuni kienet il-Covid19. Wara kien sab xogħol fuq tower cane, fejn kien involut f’inċident b’sieħbu jitlef ħajtu. 

Dan irrakkontah Johann Ellul quddiem it-Tribunal Industrijali hekk kif hu fetaħ proċeduri għal tkeċċija inġusta meta kien jaħdem mal-WasteServ.

Il-ħaddiem Johann Ellul jirrakkonta li dejjem mar għax-xogħol u kien għal qalbu fejn kien stazzjonat il-Magħtab. Huwa qal li l-ewwel beda jaħdem bħala sorter u wara beda jsuq il- lifter. Ix-xhud qal li kienu għadhom kemm mitulu żewġ zijiet u darba minnhom ċemplitlu oħtu u qaltlu biex imur għax ommu ħassha ħazin. Qal li ma jafx x’ġara eżatt wara. Qal ukoll li kien fix-xift ta’ billejl meta ġara l-inċident fejn tkisser il-locker u l-għada filgħodu ċempel ix-xogħol, jiġifieri il-Wasteserv u qallhom li lest li jħallas għall-ħsara li kkawża. 

Il-ħaddiem jispjega li minn  naħa tagħhom huma qalulu biex ma jmurx għax-xogħol. Enfasizza li qalulu wkoll li kellu jirċievi karta mingħandhom. Kompla jgħid li sussegwentement  it-Tnejn ta’ wara mar xorta x-xogħol biex ikellem uffiċjal u hemm ġew għalih xi seba’ uffiċjali tas-sigutà u qalulu li ma jridx ikellmu. Huwa qal li jammetti li għamel il-ħsara fuq il-lockers iżda qatt ma kellu inċidenti qabel dan jew kien qala’ xi twissija. Il-ħaddiem qal  kien infurmat minn JF  li m’għandhomx xogħol għalih. Jispjega li wara dam xi sena u xahrejn biex reġa’ beda jaħdem. Jgħid li xi żmien waa kien sab xogħol mal-gvern ġewwa l-airport u minħabba l-Covid ġew itterminati. Qal ukoll li wara kien reġa’ sab xogħol b’tower crane u kellu aċċident fejn sieħbu tilef ħajtu. 

Jirriżulta li l-ħaddiema ġie ingaġġat minn J.F. Services Ltd fit-12 ta’ Ġunju tas-sena 2017 fuq bażi full time taħt kuntratt indefinit bħala waste sorter u wara intbagħat mal-Wasteserv. Ġara li  fit-2 ta’ Lulju, 2019 irċieva ittra mingħand J.F. Service fejn fiha ġie infurmat li l-Wasteserv issospendietu mix-xogħol u sussegwentement il-J.F. Services kienu qed jitterminawlu l-impjieg b’effett mit-28 ta’ Ġunju tas-sena 2019.

Dan ġara wara li fis-sbieħ il-jum tat-28 ta’ Ġunju, 2019  Johann  Ellul wettaq atti ta’ vandaliżmu fuq il-propjetà fejn huwa kien qed jagħti s-servizzi tiegħu, billi qala locker minn postu u pprova jiftħu u kkaġunalu ħsara. Hu kien offra li jitnaqqsulu mill-paga l-flus bħala kumpens għall-ħsarat li għamel.

Johann Ellul qal li dan għamlu f’telfa ta’ rabja għax kien irċieva telefonata minn familijari b’aħbar ħażina. Jirriżulta li abbażi tal-kuntratt ma’ JF Services,  il-Wasteserv kellha l-fakultà tirritorna l- ħaddiema lura għand il-kuntrattur. Skont il-kuntratt bejn il-J.F. Services Ltd u l-Wasteserv, li jorbot il-ħaddiema li jinbagħtu għand il-Wasteserv mill-J.F. Services għandu jkollhom proċess ta’ dixxiplina mill-istess Wasteserv u dan isir għan-nom tal-J.F. Services.  

It-tribunal qal li rriżulta li J.F. Services m’għamlux u ma ħassewx li jagħmlu proċess ta’ dixxiplina.  Irriżulta ukoll li l-kuntrattur ma tterminax lil dan il-ħaddiem fuq l-istess raġuni li għaliha l- Wasteserv itterminatu, prinċiparjament għax kien ġab ruħu ħażin fuq il-post tax-xogħol u wettaq atti ta’ vjolenza. Intqal li l-kuntrattur ittermina l-kuntratt tar-rikorrent abbazi ta’ nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol ieħor li seta’ joffrilu. 

It-tribunal qal li mill-bidu nett li bdew jagħtu x-xhieda tagħhom dawk imsejħa, deher li l-ballun se jibda jintbagħat minn naħa għall-oħra f’attentat biex titfarfar ir-responsabbiltà ta’ min kellu jagħmel proċess ta’ dixxiplina. It-Tribunal iħoss li la kien hemm ftehim daqshekk kordjali li sikwit kienu jintalbu u fil-fatt jintbagħtu ħaddiema mingħand il-kuntrattur għal għand il-Wasteserv, seta’ kienu inqas infantili, milli jippruvaw iwaħħlu f’xulxin u jkollhom strutturi u linji gwida ċari, sewwa sew meta lkoll ammettew li dan ma kienx l-ewwel każ li tqajjem dwar dixxiplina. 

It-Tribunal qal li  bir-raġun, il-ħaddiema stenna xi forma ta’ klemenza meta huwa stess minn jeddu ammetta, skuża ruħu u pprova jagħmel tajjeb għall-ħsara minn butu. 

It-tribunal qal li madanakollu l-inċident ma’ kienx wieħed ta’ min jagħlaq għajnejh u jinsa’ kollox għax min wettqu, wara, ddispjaċieh. Qal li l-ġustizzja ma timxix skont kemm wieħed jiddispjaċih wara li jkun wettaq delitt. Tenna li “li turi li ddispjaċik wara ma jiġġustifikax bl-ebda mod aġir bħal dak li kif jidher mir-ritratti, hemm dubju serju kemm twettqu għax kif qal il-ħaddiem, b’reazzjoni għax irċieva aħbar ħażina. Anke jekk dan kien il-każ, allaħares tingħata xi forma ta’ direzzjoni li din l-attitudni tista’ b’xi mod tiġi skużata u wara jekk titlob skuża, aktar u aktar, tintesa u qisu ma ġara xejn. M’għandu jintesa qatt li l-post tax-xogħol huwa t-tieni dar ta’ bosta ħaddiema u kollegi u rridu nġibu lilhom ukoll quddiem għajnejna u qatt m’għandu jiġi ttolerat aġir li b’xi mod jew ieħor jipperikola l-ħajja sew tal-ħaddiem innifsu, aktar u aktar tal-kollegi tiegħu.” 

It-Tribunal qal li jħoss li l-Wastserv ma għamilx ħażin li riedet li tittermina s-servizz tiegħu immedjatament, aktar u aktar meta kien hemm aktar minn twissija waħda qabel dan l- aħħar inċident hekk kif irriżulta mill-provi. 

It-tribunal qal li “lura għand il-kuntrattur jibdew id-difetti fil-mod ta’ kif ġie effettivament itterminat il-ħaddiem. fil-każ odjern. Il-kuntrattur mill-provi mressqa ma jidhirx li tterminah fuq l-inċident li seħħ ġewwa l-Wasteserv, iżda wasal għall-konkluzjoni li jitterminah għax ma kellux aktar xogħol għalih. Ladarba nġabet din ir-raġuni, allura hawnhekk il-kuntrattur kellu jżomm mal-prinċipju li timxi bih il-Liġi tax-Xogħol, dak tal-‘First in , last out’. Barra minn dan il-kuntrattur kompla tefa’ l-ġebla fuq saqajh meta mill-bidu nett ġie ddikjarat li jekk kien hemm bżonn ta’ proċess ta’ dixxiplina, dan kellu jsir mill-Wasteserv, fejn intbagħat minnu. Il-fatt li ma sarx dan il-proċess, ma dejqu xejn, ma kkontestaħx u ħadu lura. Hawn it-Tribunal jiddikjara lis-socjetà Wasteserv bħala lliberata mill-osservanza tal-ġudizzju.”

It-tribunal jgħid li “jibqa’ l-fatt li r-raġuni li ta lill-ħaddiema ma kinitx dik li fuqha tterminatu l-Wasteserv, iżda għax ma kellux aktar xogħol għalih. Hawnhekk il-kuntrattur ittermina lill-impjegat bi ksur ċar tal-Liġijiet ta’ Malta. Għaldaqstant dan it-Tribunal qed jaqta’ u jiddeċiedi li t-terminazzjoni  kienet waħda bi ksur tal-liġi u qed jillikwida l-kumpens għal €3,565 li għandhom jitħallsu minn J.F. Services Ltd lill-ħaddiem fi żmien xahar mid-data tal-lum.”

Ekonomija

Sport