Thursday, March 28, 2024

Fl-Ewropa ta’ kull sena 300,000 persuna jmutu b’mod prematur kawża tat-tniġġis fl-arja

Aqra wkoll

L-imwiet prematuri fl-Ew­ropa kkawżati minn tniġġis fl-arja naqsu b’10%, iżda dan xorta waħda għadu jwassal għal madwar 307,000 mewt fis-sena. Dan qalitu l-Aġenzija Ewropea għall-Am­bjent fi studju li għamlet dwar is-sena 2019, u din tenniet illi li kieku l-Unjoni Ewropea segwiet l-aħħar linji gwida dwar il-kwalità tal-arja tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, l-imwiet li kien hemm fl-2019 kienu jitnaqqsu bin-nofs. 

Fl-2018 in-numru ta’ mwiet kawża tat-tniġġis magħruf bħala PM2.5 kien ta’ 346,000. It-tnaqqis li kien irreġistrat fis-sena ta’ wara seħħ minħabba miżuri pożittivi li ħadet l-Unjoni Ewropea u anke minħabba temp li kien favorevoli.  Fis-snin 90, it-tniġġis PM2.5 – li huma partiċelli mikroskopiċi li kapaċi jidħlu fil-fond fil-pulmun – kienu responsabbli għall-mewt ta’ kważi miljun persuni fost is-27 membru tal-Unjoni Ewropea. Sal-2005 dan in-numru kien naqqas kważi bin-nofs. 

Skont l-istatistika ppubblikata fis-sena 2019 il-Ġermanja kellha 53,800 mewt prematura kawża tal-partiċelli, l-Italja kellha 49,900, Franza 29,800 u Spanja 23,300. L-iktar pajjiż li sofra kien il-Polonja fejn dan kellu 39,300 mewt li huwa l-ikbar numru ras għal ras.

Ekonomija

Sport