Minn Cristian Muscat
It-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo kiseb l-aqwa riżultat tiegħu ta’ kull żmien f’finali Ewropea wara li temm il-Kampjonati Ewropej f’Belgrad fit-13-il post, klassifikazzjoni li tibqa’ mnaqqxa fl-istorja tal-isport Malti.
Dan it-tragward storiku ġie kkonfermat b’rebħa mill-aktar drammatika ta’ 14–13 kontra s-Slovenja fil-logħba ta’ klassifikazzjoni għat-13 u l-14-il post, partita li kienet riflessjoni ċara tal-karattru, id-determinazzjoni u l-maturità li wera dan it-tim tul il-kompetizzjoni.
Għall-President tal-ASA, Karl Izzo f’intervista esklussiva li tana, dan ir-riżultat huwa l-qofol ta’ proċess twil mibni fuq ippjanar serju, ħidma professjonali u kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha involuti fil-waterpolo Malti. “Ninsabu kuntenti ħafna b’dan it-tragward storiku tat-tim nazzjonali,” qal Izzo. “Kontra kull probabilità, it-tim wera li kien magħqud, kompatt u kapaċi jpoġġi kollox warajh biex jiffoka biss fuq dak li kellu jagħmel fl-ilma.”
Il-konfront kontra s-Slovenja kien bilanċjat mill-bidu sat-tmiem. Malta bdiet b’mod pożittiv u fetħet l-iskor permezz ta’ Ivan Nagaev, li kkonverta l-ewwel man-up tal-partita. Is-Sloveni ġabu l-parità, iżda r-reazzjoni Maltija kienet immedjata, b’Liam Galea jerġa’ jpoġġi lil Malta minn fuq u Stevie Camilleri jkabbar il-vantaġġ għal 3–1 b’xutt ċentrali li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper avversarju. Minkejja dan, is-Slovenja rritornat fil-partita u sfruttat mumenti ta’ nuqqas ta’ effiċjenza Maltija biex temmet l-ewwel sessjoni fil-vantaġġ.
It-tieni u t-tielet sessjoni kienu ġlieda kontinwa bejn żewġ timijiet li rrifjutaw li jaqtgħu qalbhom. Malta baqgħet tirrispondi għal kull tentattiv Sloven, b’gowls importanti minn Nagaev, Galea, Camilleri u Alec Fenech. Il-partita baqgħet eċitanti sal-aħħar, b’8–8 fin-nofs u 11–11 fi tmiem it-tielet sessjoni, li wassal għall-finali mimli tensjoni.
Fl-aħħar sessjoni, il-plejers Maltin urew maturità u kburija sportiva. Nagaev u Galea skorjaw gowls kruċjali li taw lill-Maltin vantaġġ ta’ żewġ gowls, filwaqt li d-difiża żammet sod taħt pressjoni qawwija. Minkejja li s-Sloveni baqgħu jippruvaw sal-aħħar sekondi, il-Maltin iddefendew b’għaqal u determinazzjoni biex assiguraw rebħa storika u post li jibqa’ jitkellem waħdu: it-13-il post fl-Ewropa.
Izzo enfasizza li dan is-suċċess ma kienx każwali. “Tkellimna bir-riżultati,” qal il-President tal-ASA. “Fl-aħħar tliet logħbiet, kontra timijiet bħal Slovakkja, Iżrael u s-Slovenja, urejna li l-waterpolo Malti avvanza u jista’ jikkompeti ma’ avversarji ta’ ċertu livell. Dan huwa riżultat li għandna nkunu kburin bih kollha kemm aħna.”
Il-President tal-ASA ried jagħti kreditu sħiħ lill-istaff tekniku, b’mod partikolari lill-kowċ Milan Cirovic, li ddeskrivieh bħala l-moħħ wara dan is-suċċess. Skont Izzo, Cirovic wera x’tip ta’ kowċ serju, dedikat u professjonali hu, u mexxa lill-iskwadra b’viżjoni ċara u preparazzjoni metikoluża. “Il-preparazzjoni għal kull avversarju kienet professjonali u studjata, livell li personalment qatt ma rajt qabel,” qal Izzo, filwaqt li rrimarka li dan kien fattur determinanti biex il-Maltin setgħu jagħtu prestazzjonijiet konsistenti.
Izzo faħħar ukoll lil Jonathan Valletta, li ħadem id f’id ma’ Cirovic tul dan il-proċess.
Huwa sostna li l-esperjenza ta’ Valletta mat-timijiet taż-żgħar kienet evidenti fil-mod kif it-tim kien organizzat u dixxiplinat fl-ilma. Tifħir speċjali ngħata wkoll lil Chris Sladden, deskritt bħala “l-id il-leminija” tal-istaff tekniku, kif ukoll lir-responsabbli mill-koordinazzjoni tat-timijiet nazzjonali, li ħadem bla waqfien minn wara l-kwinti biex kollox jimxi bla xkiel.
Il-President tal-ASA radd il-ħajr ukoll lit-team manager Charles Portelli, li mexxa ħafna mill-aspetti organizzattivi, u lill-fiżjoterapista Andrew Pisani, li wettaq ħidma kbira biex il-plejers ikunu fl-aqwa kundizzjoni possibbli matul turnament li kien fiżikament u mentalment impenjattiv.
Izzo ma naqasx milli jsemmi l-appoġġ sħiħ li rċieva mill-eżekuttiv tal-ASA u b’mod partikolari mill-Viċi President responsabbli mill-waterpolo, Andrew Paris. F’mumenti delikati tal-kompetizzjoni, Paris kien il-kuntatt dirett mat-tim u żgura li l-grupp baqa’ magħqud u ffukat sal-aħħar. “Kull deċiżjoni u kull azzjoni li ħadna kienet frott ħidma kollettiva,” saħaq Izzo.
Il-klabbs lokali wkoll kellhom sehem importanti f’dan is-suċċess. Izzo rringrazzja lill-presidenti u lill-kumitati tagħhom għall-koperazzjoni sħiħa, li ppermettiet waħda mill-aqwa preparazzjonijiet li qatt kellu tim nazzjonali Malti. “Urejna li meta naħdmu b’mod professjonali u studjat, nistgħu niksbu riżultati konkreti,” qal.
Fuq livell personali, Izzo radd il-ħajr lill-familja tiegħu għall-appoġġ kontinwu, filwaqt li ammetta li mhux faċli titlaq għal perjodi twal f’xogħol volontarju u f’turnament stressanti bħal dan. Fl-aħħar nett, faħħar lill-plejers, li minn 10 ta’ Diċembru ilhom jitħarrġu bla waqfien u wrew li huma tim magħqud, mimli esperjenza u żgħożija, li qatt ma jaqta’ qalbu.
“Dan huwa l-aqwa tragward li qatt stajna niksbu,” temm Izzo. “13-il post fl-Ewropa huwa riżultat storiku. Tkellimna bir-riżultati, u nittama li Malta kollha tkun kburija b’dak li għamel dan it-tim.”
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, dan ir-riżultat għandu jitqies bħala pedament importanti għall-futur tal-waterpolo Malti. Il-progress miksub f’Belgrad juri li l-investiment fil-preparazzjoni, l-għaqda bejn il-klabbs u l-federazjoni, u l-fiduċja fil-plejers qed iħallu l-frott tagħhom. Issa l-isfida hi li dan il-livell jinżamm u jkompli jissaħħaħ fis-snin li ġejjin.

