Fis-7 ta’ Ġunju, Liam Neeson jagħlaq 70 sena. Dan l-attur mill-Irlanda ta’ Fuq darba kien joffri garanzija ta’ suċċess għall-films li jidher fihom. F’dawn l-aħħar snin, il-films tiegħu qed ikunu fotokopja ta’ xulxin. Fi tmiem il-ġimgħa kellu thriller ieħor. Dan hu “Memory” li beda b’dħul ta’ $3.1 miljun. Irnexxielu jitla’ sat-8 post biss fil-box office Amerikana. Bejn wieħed u ieħor, “Memory” kellu dħul fl-ewwel tlitt ijiem daqs it-thrillers riċenti tiegħu: “Blacklight” (debutt ta’ $3.6 miljun), “Honest Thief” ($3.6 miljun) u “The Marksman” ($3.1 miljun).
“Memory” ma offra ebda sfida għall-films li l-ġimgħa okkupaw in-naħat ta’ fuq tal-box office Amerikana. Il-film animat “The Bad Guys” żamm postu fuq nett. Warajh baqgħu “Sonic the Hedgehog 2”, “Fantastic Beasts: The Secrets of Dumbledore”, “The Northman” u fil-ħames post “Everything Everywhere All at Once”.
Kollox issa f’idejn “Doctor Strange In The Multiverse of Madness” li jiftaħ nhar il-Ġimgħa biex iqajjem l-entużjażmu lis-sidien tat-teatri.
Memory
Dan it-thriller hu maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Martin Campbell. Għal dan id-direttur li kien fdat biex jintroduċi kemm lil Pierce Brosnan (permezz ta’ “Goldeneye”) u lil Danie Craig (f’“Casino Royale”), wieħed jistenna ferm aktar minn għandu. Dan minkejja li “Memory” għandu kast tajjeb u li jinkludi lil Liam Neeson, Monica Bellucci u Guy Pearce. Hu remake ta’ film Belġjan, “The Memory of a Killer” li kien ħareġ fl-2003.
Tista’ tgħid li t-thrillers ta’ Liam Neeson f’dawn l-aħħar 14-il sena (jiġifieri minn “Taken” ’l hawn) kważi ħolqu ġeneru għalihom infushom. Il-karattri ta’ Neeson huma ta’ wieħed li jrid iwettaq vendetta jew tpattija fuq min għamel xi ħaġa ħażina jew att kriminali. U wara l-mewta traġika ta’ martu fir-realtà, Natasha Richardson fl-2009, Liam Neeson sar aktar qiesu jipproġetta rabja fil-karattri tiegħu.
F’“Memory”, għandu l-parti ta’ Alex Lewis, li hu kriminal imma t-tpattija hi fuq nies agħar minnu. Alex hu qattiel espert b’reputazzjoni għall-preċiżjoni kif iwettaq xogħolu. Hekk kif qed joqrob is-70, il-marda kiefra tal-Alzheimer’s bdiet tħalli effett fuqu. Minkjja ix-xogħol kriminali li jidħol għalih, xorta għandu prinċipji li mhux lest imur kontra tagħhom, fosthom li mhux lest joqtol tfal. Għalhekk darba jirrifjuta li jaċċetta biċċa xogħol li jiġi mqabbad.
Dan ir-rifjut iġibu f’pożizzjoni li jrid joqtol lil min qabbdu, qabel dawn flimkien mal-aġent tal-FBI Vincent Serra (Guy Pearce) jeliminawh.
Monica Bellucci għandha l-parti ta’ Davana Sealman. Jirriżulta li Davana tkun qegħda tati x-xogħol lil Alex. Hi tkun mara miljunarja li tgħix f’Texas, ossessjonata li tipprova ttawwal ħajjitha imma tkun kompliċi f’ċirku ta’ sess ta’ tfal taħt l-età.
Gwida għal min ser jara “Memory”: 15 (għandu jarawh persuni li għandhom minn 15-il sena ’l fuq) għax fih xeni vjolenti mdemmhija kif ukoll kliem ħażin.
Downton Abbey: A New Era
Dan hu sequel għall-film li konna rajna f’Settembru tal-2019. Il-film oriġinali ikompli mas-sensiela televiżiva li kienet popolari meta kienet tixxandar bejn l-2010 u l-2015.
“Downtown Abbey: A New Era” jippreżentalna żewġ avventuri. Bħal fil-każ tas-sensiela u tal-film, il-qofol kollu jinstab fil-mod intelliġenti kif Julian Fellowes jiżviluppa l-iscript u allura l-karattri.
Violet Crawley (Maggie Smith), li għandha lsienha jaqta’ bħal sikkina u jilħqilha daqs seqer, tħabbar lill-bqija tar-residenti f’Downton Abbey, li kienet wirtet villa fin-nofsinhar ta’ Franza, bħala rigal mingħand Franċiż li kien jinnamra magħha b’mod sigriet diversi snin qabel. Dan il-wirt ikun ikkontestat mill-armla Franċiża (Nathalie Baye). Violet tibgħat lill-binha Robert (Hugh Bonneville), lill-martu Cora (Elizabeth McGovern), lin-neputija Edith (Laura Carmichael), lill-ex-qaddej Carson (Jim Carter) u oħrajn sabiex isolvu din il-problema.
Sakemm dawn ikunu Franza, Mary (Michelle Dockery) taċċetta talba mingħand il-kumpanija British Lion sabiex jaħdmu film f’Downton Abbey. Qabel jitlaq, Robert jagħmilha ċara li hu kien kontra din l-idea, li jqisha bħalha xi ħaġa ‘vulgari’.
In-narrattiva ta’ “A New Era” tiżviluppa fl-1929, fi żmien meta t-talkies kienu qed jieħdu post il-films muti. “A New Era” jieħu spunt minn “Singin’ in the Rain” fil-proċess ta’ kif jiżviluppa, hekk kif l-attriċi Myrna Dalgleish (Laura Haddock) ma jkollix vuċi tajba għat-talkies filwaqt li kienet ammirata ħafna waqt l-epoka tas-silents. Fl-istess ħin, il-protagonist maskili Guy Dexter (Dominic West) jista’ jkompli bla problemi. Sadanittant, Mary tibda tiġbed l-attenzjoni tad-direttur tal-film Jack Barber (Hugh Dancy). Ir-raġel ta’ Mary, Henry (Matthew Goode) ma jkunx preżenti waqt il-ġbid tal-film u dan iħalli spazju għall-relazzjoni potenzjali bejn Mary u Jack,
Gwida għal min ser jara “Downton Abbey: A New Era”: PG (hu rakkomandat li tfal żgħar ikunu akkumpanjati minn adulti) għax fih xi fit kliem mhux daqstant xieraq u referenzi ħfief għas-sess.