Dalgħodu se tkun qed titkompla l-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
F’isem il-familja Caruana Galizia, l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi ppreżentaw nota ta’ sottomissjonijiet dwar id-deċiżjoni tal-PM Robert Abela li jestendi t-terminu tal-bord “għal darba waħda biss,” sal-15 ta’ Diċembru.
Il-familja qed toġġezzjona għal din id-deċiżjoni. Skont l-avukata Comodini Cachia dawn mhux jeskludu li hemm bżonn perjodu itwal ta’ żmien. Żiedet tgħid li meta tikkunsidra n-numru ta’ xhieda u t-tul ta’ żmien li ħadet l-istess inkjesta, il-bord ma jistax sempliċiment jiddeċiedi li ma jkomplix jisma’ x-xhieda.
Mallia jikkonferma li l-PM se jkun qed jiġi notifikat formalment fuq is-sottomissjonijiet tal-familja tal-vittma.
Rigward l-ilment tat-tul taż-żmien l-Imħallef Lofaro fakkar li wieħed ma jistax jinsa t-taqlib li ġabet magħha l-pandemija u l-perjodu li fih il-bord ma setax jiltaqa’ minħabba miżuri li tħabbru.