Thursday, December 26, 2024

Tkompli l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech; Jagħti x-xhieda tiegħu Johann Cremona

Aqra wkoll

Dalgħodu, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, se tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-ewwel xhud fis-seduta tal-lum huwa Johann Cremona. Il-Prosekuzzjoni ddikjarat li fir-rigward ta’ dan ix-xhud huwa mhux qed jitqies bħala suspettat in konnessjoni ma’ dan il-każ u illi f’dan l-istadju mhemmx ħsieb li jittieħdu xi proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu.

Agħmel refresh tal-paġna għall-aħħar aġġornamenti…

11.42: Ġurnalisti u persuni oħrajn jintalbu joħorġu mill-awla minħabba li jrid jinstema’ rekording meqjus bħala sensittiv.

11.37: L-Ispettur Arnaud jistaqsi dwar ir-relazzjoni li Keith Schembri kellu ma’ Yorgen Fenech. Cremona jgħid li skont Theuma Schembri u Fenech kienu ħbieb, li Schembri kien għadda informazzjoni lil Fenech u li t-tnejn kienu tradewh.

Il-Qorti tistaqsi lil Cremona jekk kienx staqsa lil Theuma dwar dan. Cremona jgħid li le.

11.34: Cremona jgħid li theuma kien iddisprat u ried jikkuntattja lil kulħadd. Jgħid li anke ried jagħmel kuntatt ma’ Ray Fenech, izziju ta’ Yorgen.

11.27: Meta kien qed iwieġeb mistoqsija Cremona jgħid li darba minnhom kien wera ritratt lil Theuma ta’ “il-Biglee”, kanvasser ta’ Chris Cardona, li Theuma kien allega kien serva bħala l-middleman bejn l-istess Cardona u l-aħwa Degiorgio. Cremona jgħid li r-ritratt kien għaddiehielu Fenech, bil-Qorti tiġbidlu l-attenzjoni li preċedentement kien qal li ma kienx ġie f’kuntatt ma’ Fenech dwar il-każ.

11.23: Cremona jgħid li Theuma ried jikseb informazzjoni dwar Keith Schembri. Jgħid li Theuma kien anke mar Kastilja darbtejn u li kien talbu n-numru ta’ Schembri iżda qatt ma kien għaddihulu.

11.19: Cremmona jgħid li l-aħħar konverżazzjoni ma’ Theuma kienet fil-11 ta’ Novembru li għadda.

Jgħid li Theuma kien mar il-ħanut tiegħu u kien qallu li kien irċieva telefonata kmieni filgħodu dwar ir-rejd li kien se jitwettaq. Jgħid li t-telefonata aktarx ma kinitx mingaħand Fenech minħabba li dan ma kienx it-tip li jempel daqstant kmieni.

11.07: Cremona jerġa’ jitkellem dwar l-eks-Kummissarju Cutajar. Jgħid li Cutajar kien informa lil Theuma dwar investigazzjoni kontra l-ħasil tal-flus, li l-Eurpol kienet konxja minn rekordings u li kienet semgħet rekordings qabel l-arrest.

11.05: “Darba Melvin kien qalli li bagħtu Mario Degiorgio biex ikellem lil xi ħadd ħabba Cardona. Jien kont tajtu l-parir biex ma jidħolx fl-inkwiet li mhux tiegħu.”

Meta kien jirrakkontalek dawn l-affarijiet u jsemmi lil Yorgen u lil Keith, qatt semmielek kif hu kien iħossu f’dik is-sitwazzjoni? “Darba kien irrakkontali li wieħed mill-aħwa Degiorgio kien qallu li aħna ma nikxfuk qatt,”  wieġeb ix-xhud. 

Qal li mhux vera xejn li hu kien qal li Melvin, Vince Muscat kixfu. Huwa qal lil Yorgen Fenech qatt ma kien kellmu fuq il-każ ħlief meta “l-istorja ħarġet fil-midja.” Qal li huwa “ma setax jitkellem fuqha għax huwa oġġett kbir ħafna u mhux tiegħi. Ma nistax insemmi xi ħaġa li qed jgħidli Melvin. Ma nistax noqgħod fuq il-kelma tiegħu. Lanqas kien affarija li nikxef.” 

Qal li Melvin kien qallu li l-Kummissarju kien avzah li huwa qed jiġi investigat fuq money laundering, u li Europol jafu bir-recordings.

10.49: Cremona jgħid li Theuma kien qallu li Fenech kien ordnalu biex jipproċedi bil-qtil ta’ Caruana Galizia, iżda mbagħad biddel fehmtu.

Jgħid li Thuema kien inkwetat dwar li jmur lura minn kelmtu mal-aħwa Degiorgio u għalhekk kien tahom €30,000.

Cremona jitfa’ dubju dwar Theuma u jgħid li f’mument minnhom Thuema kien jgħid li l-flus kienu ta’ Fenech, u mument ieħor jgħid li ma setax jagħmel kuntatt miegħu. Fl-istess waqt Cremona jemfasizza li dan huwa bbażat fuq dak li kien jisma’ u ma jafx jekk Fenech kienx għadda flus lil Theuma.

10.46: Cremona jgħid li jaf li Theuma kellu kuntatt mal-eks-kummissarju tal-Pulizija LawrenceCutajar.

Qal li Thuema kien jgħid li Cutajar kien iwissih bil-quddiem dwar kwistjonijiet li kellu.

Iżid jgħid li Theuma kien iċemplu kontinwament u Theuma anke kien jgħidlu li kien se jwettaq suwiċidju.

Cremona jisħaq li qatt ma għamel kuntatt ma’ Fenech u qal li ħass li ma kellux jinvolvi lilu nnifsu fis-sitwazzjoni.

Jgħid li Thuema kien qed ibati minn dipressjoni u kien il-ħin kollu jibki. Mistoqsi għaliex mill-Ispettur Arnaud, Cremona jwieġeb minħabba li jaħseb li l-aħwa Degiorgio kienu l-ħin kollu jagħmlulu pressjoni għall-flus.

10.40: Cremona jgħid lill-Qorti li kuntrarjament għal dak li xehed Melvin Theuma, huwa qatt ma kien semma lil Chris Cardona jew lil David Gatt. Jgħid li kien Theuma li kien semmihomlu.

Iżid jgħid li ma Theuma kien ikun kostantement il-ħanut tiegħu, u ma kienx kuntant b’dan.

Cremona jgħid li Theuma kien qal li Yorgen Fenech u Keith Schembri kienu ordnawlu biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia, b’Thuema jgħid li ried il-flus mingħand Fenech.

Meta mistoqsi mill-Ispetur Arnaud “għakiex Fenech?”, Cremona jkompli jgħid li dan minħabba li Theuma kien qal li qatt ma kien tkellem ma’ Schembri.

Jgħid li Thuema kien jgħidlu li kien se jmur jirrapporta kemm lil Fenech u kif ukoll lil Schembri lill-Pulizija.

10.26: Mistoqsi x’jaf fuq dan il-każ, qal li: “sirt naf ċertu affarijiet minn Ġunju 2018, meta Kenneth Camilleri kien ġie għandi u talabni biex inkellem lil Melvin Theuma. Kenneth kien pulizija tat-traffiku.”

“Ma qallix fuq xiex talabni inkellmu. Tellajtu barra r-residenza ta’ Melvin Theuma. Kenneth u Melvin qabdu jitkellmu. Jiena qsamt it-triq għax irċevejt telefonata mingħand missieri u huma bdew jitkellmu bejniethom.”

“Waqt li kienu qed jitkellmu, Kenneth pass ‘il bogħod minn Melvin u rajtu jagħmel telefonata. mbagħad qalli mmorru ‘l hemm. Jien ma nafx fuqiex u ma staqsejtux. L-għada filgħodu kont fl-uffiċċju tiegħi f’Ħal Qormi xis-7.00 a.m. u ġie Kenneth iżda ma kien qalli xejn.”

“Xi tliet kwarti wara ġie Melvin u qalli li ried ikellem lil Kenneth. Għedtlu kumbinazzjoni qiegħed ħdejja. Smajt lil Melvin jidgħi. F’ħin minnhom qaluli t-tnejn li huma li se jmorru. Dehru li ma qablux f’xi ħaġa.”

Huwa qal li darba oħra Melvin ċempillu biex jiltaqa’ ma’ Kenneth u ltaqgħu l-Belt, quddiem il-bini tal-Parlament. Huwa qal li sema’ lil Melvin jgħid lil Kenneth “irranġalhom għal bail.”

Meta staqsejt lil Melvin x’inhu jiġri, qalli “dan ġie u wegħedhom il-bail (lill-aħwa Degiorgio). Kif qalli hekk diġa’ għedt “fhiex dħalt”.

Qal li hu kkonkluda li l-bail tal-aħwa Degiorgio kien relatat mal-każ tagħhom dwar il-qtil ta’ Daphne Caurana Galizia.

Qal li jumejn wara kien reġa’ ġie Melvin Theuma fl-uffiċċju tiegħu u hemm staqsieh x’inhu jiġri u qallu “għax Keith Schembri u Yorgen Fenech tradewni.”

10.16: Jgħid li jaf lil Melvin Thuema, l-allegat middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien kera ħanut mingħand Theuma fl-2013, u kien ikollu kuntatt miegħu fir-rigward ta’ ħlas ta’ kera. li kienet issir kull xahrejn.

10.14: Cremona jieħu l-ġurament u jibda jagħti x-xhieda tiegħu. Huwa jgħid lill-Qorti li jaħdem fil-gaming u jinsab ibbażat f’Portomaso. Jgħid li ilu sieħeb ta’ Fenech fin-0negozju mill-2011. Fenech kien responsabbli mill-accounts tan-negozju, filwaqt li hu kien responsabbli mill-aspett operazzjonali.

10.10: Cremona jidħol fl-awla liebes maskra sewda. Huwa akkumpanjat mill-Avukat Kris Busietta.

Ekonomija

Sport