Saturday, December 21, 2024

Tkompli t-theddida għal Foss Ruman fir-Rabat….l-iżviluppatur se jittanta jibqa’ għaddej fejn ma jafx x’se jsib?

Nippubblikaw ritratti tal-għar storiku fil-foss Ruman b’kappella fih

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Din il-gazzetta ilha issa għal ammont ta’ snin issegwi it-tentattivi li kienu qegħdin isiru biex isir żviluppa f’parti magħrufa bħala “il-Foss Ruman” fir-Rabat. Theddida, li tfisser li jekk l-iżvilupp jitwettaq naraw dan il-Foss storiku, li ħafna qegħdin jagħżlu li jibqgħu siekta fuqu, jibda it-triq għall-qerda tiegħu. U l-Foss Ruman jitpoġġa fil-lista tal-mistħija ta’ patrimonju li ġie sfreġjat jew inqered. Ma’ dan hemm ukoll il-preokkupazzjoni għar-residenti li jinsabu fiż-żona u li r-residenzi tagħhom jinsabu mibnijin fuq għar kbir”.

Ta’ mnin jgħid li “sa mis-sena 2003 il-Foss Ruman u dik imsejħa bħala ‘buffer zone’ tiegħu kien il-mira ta’ numru ta’ żviluppaturi li xeħtu applikazzjonijiet ta’ żvilupp f’dan is-sit protett u skedat bil-liġi. Dan il-bumbardament għadu għaddej sal-ġurnata ta’ llum.

Ir-residenti ta’ madwar il-Foss Ruman ilhom fuq għoxrin sena jiddefendu dan is-sit arkeoloġiku u ambjentali mingħajr waqfien għax huma l-Patrimonju Rabti u Nazzjonali u l-istess vilel u estensjonijiet proposti li jirrikjedu tħaffir għall-pedamenti, huma ta’ theddia għas-sigurtà ta’ ħajjithom. Minkejja dan kollu, ħadd għadu ma ħa r-responsabbilità politika biex dan jitwaqqaf darba għal dejjem kif kienet żviluppat u tmexxiet il-kwistjoni tad-djar ta’ Vjal Santu Wistin u tas-Saqqajja.

Bħalma jaf kulħadd dawn id-djar ġew protetti u skedati f’erba’ xhur u r-residenti moħħhom mistrieħ li ħadd mhu se jattakkahom iżjed. Dan ħoloq inġustizzja kbira bejn dawn ir-residenti u l-familji li jgħixu madwar il-Foss Ruman u l-‘buffer zone’ tiegħu. Għal dan jidher li kulħadd għalaq għajnejh. “Tgħid hawn min jaħseb li r-residenti ta’ madwar il-Foss Ruman huma xi persuni inferjuri għall-oħrajn?”, qalu residenti lil IT-TORĊA.

L-istess residenti qalulna li “nirrimarkaw osservazzjoni li għandna f’moħħna u domandi li għalihom m’għandniex tweġiba. Dawn ġabu li xtaqu għax negozjant u xi ħadd ieħor minnhom studjaw il-liġi? Hemm baħar x’jaqsam bejn erba’ xhur u ‘lfuq minn għoxrin sena tiddefendi l-fatturi arkeoloġiċi biex ma jinqerdux u ħadd ma isemmi ħajjiet ir-residenti li jgħixu fuq għerien, spazji vojta u passaġġi li wieħed jista’ jgħaddi minnhom. F’dan is-sit tal-Foss Ruman fir-Rabat hemm periklu kbir li bosta drabi l-żviluppaturi jinjoraw u aktar minn hekk jisfidaw lir-residenti. Dan qiegħed jagħmel impatt psikoloġiku fuq ir-residenti affettwati”, iddikjaraw ir-residenti.

Enfasizzaw li jħossu li hu immorali għax qegħdin jiġu affettwati b’mod qawwi mentalment. “Ir-residenti jorqdu u jqumu jaħsbu bir-riskju li jistgħu jmutu fl-għerien ta’ taħt djarhom. Fil-preżent applikazzjonijiet għal żvilupp fil-Foss Ruman u l-‘buffer zone’ tiegħu hemm tlieta. Tnejn minnhom jiġifieri dar numru 4 u dar numru 5 fl-isqaq ta’ Triq San Franġisk ir-Rabat. Nhar is-16 ta’ Mejju tas-sena 2024 waqt is-smiegħ ta’ PA/06720/22 u PA/06631/22 il-Board tad-DPA ivvutaw favur dawn l-iżviluppi u nħarġulhom in-non executable permits fuq kull applikazzjoni.

Dan mhux biss kien xokk għar-residenti ta’ madwar il-Foss Ruman u l-buffer zone iżda kien ta’ stmerrija u rabja obira kemm lejn il-bord tad-DPA kif ukoll għall-iżviluppaturi konċernati. Dan bir-raġun żied l-inkwiet u l-biża’ li r-residenti ilhom jesperjenzaw għal dan it-tul ta’ snin. Min verament qiegħed jifhem il-qagħda ta’ dawn l-imsejkna residenti u jxammar il-kmiem biex jgħinhom? Min se jieħu interess veru fihom li jeħtiġilhom u li jixirqilhom bħalma ġew mogħtija ir-residenti tas-Saqqajja u ta’ Vjal Santu Wistin? Fis-smiegħ preċedenti kien ġie deċiż li l-każijiet taż-żewġ applikazzjonijiet PA/06730/22 u PA/06631/22 peress li kellhom l-istess perit kellhom jiġu ppreżentati quddiem il-bord flimkien. Fis-16 ta’ Mejju tas-sena 2024 wieħed seta’ jinduna kemm kien faċli għall-bord biex l-ewwel jisma’ PA/06720/22 fejn ġew preżentati permessi mogħtijin ta’ każijiet li ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-Foss Ruman u l-buffer zone tiegħu.

Residenti qalulna li “f’dan il-waqt il-perit, l-avukat u l-Geotechnical Engineer taż-żewġ applikazzjonijiet injoraw għal kollox id-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu tas-sena 2022 fejn lill-iżviluppatur, l-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutatlu l-permess biex jiżviluppa fil-Foss Ruman u l-Buffer zone tiegħu. Kien għalxejn li l-avukat difensur ta’ dawk li oġġezzjonaw fakkarhielhom għal darba tlett darbiet għax daqs li kieku qatt ma eżistiet. L-istess ġara meta ċ-Ċerpersin fetaħ is-smiegħ għall-GPA/06631/22. Din id-deċiżjoni u d-deċiżjoni oħra tat-30 ta’ Mejju tas-sena 2019, fejn lill-iżviluppatur l-Awtorità kienet irrifjutat il-permess għall-iżvilupp fil-Foss Ruman u l-Buffer Zone, ġiet kompletament injorata ukoll mill-istess żviluppatur u l-persuni li kienu qegħdin jiddefenduh waqt dan is-smiegħ.”

Residenti sostnew li “ta’ min josserva u jkun jaf, għax li gara waqt is-smiegħ tas-16 ta’ Mejju tas-sena 2024, minn naħa tal-imsemmi żviluppatur fl-opinjoni tiegħi kien kundannabbli. Meta l-Perit tal-iżviluppatur ġie mistoqsi kif se jsib il-pedamenti għall-ħitan il-ġodda ta’ PA/06631/22 dan wieġeb hekk: ‘inkun naf meta naqla’ l-madum’. Din kienet risposta li jidhrilna li hi suspettuża u perikoluża għall-aħħar u lil dawk li oġġezzjonaw tefgħethom fi ħsieb u biża’ kbir. Fuq din ir-risposta il-bord kollu vvota favur dan l-iżvilupp. Qatt qabel dan il-perit ma’ ta’ xi informazzjoni bil-miktub kif se jsib il-peadment meta kien jaf li ftit metri ‘lbogħod jinsab taħt djar 5 u 6 fl-isqaq ta’ Triq Cosmana Navarra hemm għar twil 16-il metru. F’dan l-għar ġie skopert fattur arkeoloġiku ta’ importanza kbira u li ġie rreġistrat mis-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali. Dan l-għar għandu saff ta’ metru u ftit ta’ soft rock li r-residenti li semmejna jgħixu u jimxu fuqu. Il-kunsill lokali tar-Rabat flimkien mal-perit tagħom , meta niżlu fl-għar u rawħ b’għajnejhom, fir-rapport tagħhom kitbu li jekk wieħed imqar imiss ftit b’diffrejh dan is-saqaf jibda nieżel it-trab. Il-ħajt tat-terzi li miegħu mibnija d-dar kollha ta’ PA/06631/22 jinsab fil-proprjetà tal-familja li toqgħod f’numru 5 fl-Isqaq ta’ Triq Cosmana Navarra. Il-membri ta’ din il-familja u l-ġirien li jmissu magħhom taż-żewġ sqaqien inklużi dawk tal-isqaq ta’ Triq San Franġisk jinsabu inkwetati immens.

Dawn il-persuni affettwati minn dawn in-non executable permits li ngħataw mill-bord qalulna li se jżommu lil dan imsemmi perit u lill-iżviluppaturi responsabbli għal ħajjithom. Dan intqal waqt is-smiegħ u qegħdin itennuh issa ukoll” sostnew ir-residenti.

Resident ieħor li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “stqarrija oħra li torbot ma’ dan kollu hi meta il-Geo Technical Engineer waqt dan l-istess smiegħ qal li r-Rabat kollu hu mibni fuq il-blat tal-qawwi. Hu veru li hu mibni fuq il-blat tal-qawwi. S’hawnhekk qal il-verità. Iżda ma qalx il-verita kollha u dan għax kien fid-dmir li jgħid li l-blat tal-qawwi tant hu ddeterjorat li mhux sostenibbli għall-bini jew għal xi żvilupp ieħor. Infakkruh li l-istudji ġeoloġiċi li saru s’issa minn dawn l-iżvilupaturi qatt ma kienu sodisfaċenti biex jiddeterminaw x’hemm taħt id-dar fejn ġew proposti l-iżviluppi tagħhom.

Dan li qegħdin ngħidu hu msemmi ċar dans il-kristall fl-aħħar deċiżjoni maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar ohra il-25 ta’ Marzu tas-sena 2022. Ir-residenti jikkundannaw il-mod kif tmexxiet il-votazzjoni favur dawk l-aspetti li huma jemmnu li ma kinux korretti.”

Ir-residenti qalu li “jidhrilna fl-opinjoni tagħna li donnu ħadd minnhom ma ried jisma’ b’din id-deċiżjoni u lanqas ma rielu li l-avuakt difensur ta’ dawki li oġġezzjonaw ifakkarhom fihom. Ħadna l-impressjoni li donnu għalqu għajnejhom għall-verità”.

Waqt dan is-smiegħ il-perit tal-iżviluppaturi wera pjanti ta’ tlett pixxini li ngħataw il-permess għalihom x’imkien fir-Rabat. Dan ippretenda li ż-żewġ swimming pools approvati f’PA/00720/22 u PA/06631/22 jiġu approvati ukoll. Li ma ssemmiex il-perit kien li dawk tal-aħħar se jkunu fil-Buffer Zone tal-Foss Ruman. Minkejja dan kollu u xejn rispett lejn il-poplu Rabti li għandu relazzjoni qawwija mal-Foss Ruman, il-bord ivvota favur dawn iż-żewġ ‘swimming pools’ li kull wieħed hu ta’ 20 metru kwadru. Wieħed jista’ jikkunsidra li dawn mhux posthom f’dan is-sit ta’ valur u importanza storika u arkeoloġika kbira. Biex dawn il-pixxini jiġu mibnijin fil-buffer zone tal-Foss Ruman se titneħħa kwantità kbira ta’ ħamrija għax dawn skont il-pjanti se jkunu mibnija ‘lfuq mill-art. Ta’ min jinnota li biex issib il-‘bedrock’ jiġifieri l-blat, il-Buffer Zone se titnaqqar mill-ħamrija tagħha. Ara xi kwantità ta’ ħamrija se titneħħa mhux biss għall-pixxina waħda iżda għal tnejn. Dan kontra l-liġi tal-istess Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali”, tenna ir-resident.

Ir-residenti inkwetati għall-aħħar sostnew li “l-buffer zone hi identifiakta b’50 metru tul, hi protetta u ħadd ma jista’ jnaqqar minnha. Il-Foss Ruman jibqa’ jeżisti kemm wieħed jipproteġi l-buffer zone tiegħu. Li tneħħi 10 metri ħamrija biex issib il-blat għal dawn iż-żewġ swimming pools hu kundannabbli u xokk kulturali għal ħafna. Ma jafx l-iżviluppatur u l-perit tiegħu li meta se jneħħi din il-kwantità ta’ ħamrija għal kull pixxina li se jagħmel tista’ timxi l-art kif ġara fis-sena 2011 meta kien hemm l-inċident tal-makkinarju f’tart tal-isqaq ta’ San Franġisk, li sfronda l-art? Il-ħamrija ta’ taħt l-art niżlet ‘lisfel b’veloċità qawwija u ġibdet magħha dan il-makkinarju tqil.

Dak inhar il-ħsara kienet bira. Infakkru li imxiet il-kantuniera tal-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Koventwali u l-garigor inkissrulu x-xorok tiegħu. Inkixfu l-passaġi tas-sistema Rumana tal-ilma li inkissrulhom ix-xorok ukoll”, enfasizzaw ir-residenti.
Ikompli

Ekonomija

Sport