Sunday, November 24, 2024

“Tkunux boloh … la tibżgħux ixxerrdu l-imħabba”

Il-Papa Franġisku b’messaġġ favur l-imħabba fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Aqra wkoll

Iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Portugall laħqu l-qofol tagħhom illum b’quddiesa kkonċelebrata mill-Papa Franġisku. 

“Tkunux boloh, tista’ tiddi aktar jekk tagħmel xi ħaġa li biha turi mħabba ma ħaddieħor milli xi ħaġa għalik innifsek. L-egoiżmu huwa wieħed mid-difetti li jxekkluna milli nħobbu lil xulxin aħjar. Għeżież żgħażagħ la tibżgħux. Forsi anke bħalissa qed tħossu t-toqol ta’ dan il-messaġġ llum, iżda intkom tistgħu tagħmlu affarijiet kbar”. Iddikjara dan il-Papa Franġisku fil-messaġġ ewlieni tiegħu f’din l-okkażjoni fejn l-indirzz tiegħu kien wieħed speċifiku għal kategorija ta’ persuni li mhux l-ewwel darba li  sfortunatament tisfa mpoġġija kollha f’keffa waħda minħabba dell ikrah li jixħtu xi wħud.

Il-Papa qabbel il-bżonn tal-kontribut taż-żgħażagħ fis-soċjetà max-xita li hija bżonnjuża għal ħafna raġunijiet madwar id-dinja.

Waqt li kompla biex jindirizza lill-folla ta’ eluf ta’ żgħażagħ li nġabru sa minn ħafna sigħat qabel biex jisimgħu l-messaġġ tiegħu, il-Papa qal li Alla jaf lil kull wieħed u waħda minnhom u li anke fil-mument li kien qiegħed jitkellem hu, Alla kien qiegħed iħabbat fil-qlub tagħhom biex jgħaddilhom il-messaġġ tiegħu biex ikomplu jxerrdu l-imħabba lejn xulxin. 

Huwa appella liż-żgħażagħ biex meta t-toqol tal-ħajja jagħfas aktar mis-soltu fuqhom, ma jaqgħux fin-nasba li jċedu u jagħmlu sforz biex jieqfu jiftakru min huma.

Il-Papa rrefera għal dawk li ma setgħux jattendu għal din iċ-ċelebrazzjoni bil-ħsibijiet tiegħu jaqgħu fuq dawk li għaddejjin f’kunflitti ta’ gwerra. Huwa esprima d-dieqa tiegħu għas-sofferenza li qiegħed ibati l-poplu Ukren minħabba l-invażjoni Russa.

Tkellem ukoll dwar il-ġenerazzjonijiet il-kbar bħalma huma n-nanniet u qal li l-folla spettakolari li kellu quddiemu taf lilhom għall-valuri li jħaddnu.

Għal din il-quddiesa kienet mistennija attendenza ta’ aktar minn miljun żagħżugħ/a ġejjin minn madwar id-dinja kollha. Maltin li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li marru mis-Sibt għall-ħabta tal-1:30 p.m biex isibu post tajjeb u li baqgħu skantati li minkejja li kienu hemm mal-20 siegħa qabel, diġà kien hemm eluf ta’ persuni. Dawn kienu sabu post fejn iqattgħu l-lejl biex ikunu jistgħu jassistu għal din iċ-ċelebrazzjoni tant mistennija mill-Qdusija Tiegħu fejn ninsabu infurmati wkoll li tant kienu hemm kmieni li ġew pprovduti ikel mal-wasla tagħhom fuq il-post u bdew jitqassmu l-fliexken tal-ilma b’mod kontinwu. 

Sport