Friday, November 15, 2024

Tlesta l-qafas legali li se jwassal għal-liċenzjar tal-kuntratturi

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar li tlesta l-qafas legali għas-sistema tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi. L-Avviż Legali issa se jintbagħat għall-iskrutinju tal-Kummissjoni Ewropea biex imbagħad ikunu jistgħu jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-kuntratturi fl-oqsma tat-twaqqigħ, l-iskavar u l-kostruzzjoni.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi fakkar kif f’Marzu li għadda kien tnieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ Avviż Legali. Kompla li dan il-proċess ta’ konsultazzjoni kellu rispons qawwi ferm b’numru kbir ta’ sottomissjonijiet u proposti, u ħoloq diskussjoni wiesgħa fil-pajjiż.

Huwa spjega kif wara li saret l-evalwazzjoni ta’ dawn is-sottomissjonijiet u proposti qed ikunu introdotti ċertu tibdiliet għall-abbozz oriġinali tal-Avviż Legali bil-għan li dan iwassal għall-bidla li hija meħtieġa biex ikollna aktar responsabbiltà, kjarezza u serjetà f’dan is-settur u fuq kollox kwalità ogħla.

Waħda mill-akbar bidliet li qed tagħmel il-liċenzja tal-kuntratturi fl-oqsma tal-bini, twaqqiegħ u skavar hija li ser tagħti definizzjoni ċara ta’ min huwa responsabbli tax-xogħol li jkun qed isir. L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni se jkollha lista ta’ nies li għandhom il-liċenzja li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol.

Dwar l-assigurazzjoni tal-kuntratturi, il-Ministru qal li hemm bżonn ta’ aktar diskussjonijiet qabel ma jiddaħħal dan l-obbligu fuq il-kuntratturi. “Bħala Gvern ninsabu impenjati li nkomplu dan il-proċess biex fl-iqsar żmien possibbli naraw kif insibu formula ġusta illi tista’ titħaddem min-naħa tal-industrija tal-assigurazzjoni f’pajjiżna biex nassiguraw li jiddaħħal dan l-obbligu fuq kull min jimpjega dawn is-setturi”, tenna jgħid il-Ministru.

Ġie spjegat ukoll li peress li kien hemm konkorrenza qawwija ħafna fil-konsultazzjoni pubblika b’mod partikolari mill-kuntratturi ta’ daqs żgħir, inħasset il-ħtieġa li l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni b’mod immedjat tibda numru ta’ laqgħat ta’ informazzjoni biex jiġi spjegat b’mod ċar lill-kuntratturi f’setturi differenti u kif dawn il-liċenzji se jitħaddmu.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm billi saħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm kuntatt u djalogu kontinwu bejn il-kuntratturi u l-Awtorità permezz ta’ laqgħat regolari ta’ informazzjoni li twassal għal komunikazzjoni aħjar bejn l-Awtorità u l-kuntratturi liċenzjati.

Min-naħa tiegħu, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, Jesmond Muscat saħaq li l-miri ewlenin tal-liċenzjar tal-kuntratturi baqgħu l-istess, jiġifieri li jiġu definiti l-kriterji biex persuna jew entità twettaq xogħol ta’ kuntrattur fis-settur tal-kostruzzjoni u jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli tal-kostruzzjoni. Fl-istess waqt, ikun żgurat li l-istandards tal-kostruzzjoni jkunu ta’ kwalità aktar għolja u x-xogħol jsir b’mod aktar professjonali.

Ekonomija

Sport