Tlesta r-restawr fuq is-sur ta’ San Nikola, li jifred Bormla u l-Fgura. Dan is-sur jinsab bejn il-Bastjun ta’ San Nikola u dak ta’ San Ġwann, u jifforma parti mis-Swar tal-Kottonera ddisinjati minn Antonio Maurizio Valperga fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, ħabbru t-tlestija ta’ dawn ix-xogħlijiet li saru b’investiment ta’ €650,000.
Ix-xogħlijiet fuq dan is-sur bdew f’Novembru 2023 u tlestew aktar kmieni din is-sena. B’kollox dawn ix-xogħlijiet ikopru medda ta’ ‘l fuq minn 4,500 metru kwadru tas-swar.
Il-Ministru Bonnici spjega li: “Bis-saħħa ta’ inizzjattivi bħal dawn qegħdin inkomplu nżidu l-valur tal-wirt nazzjonali tagħna, wirt li jsawwar l-identità tagħna bħala poplu.”
“Dan ir-restawr jimxi mal-istrateġija kulturali tagħna b’mod li jżid l-apprezzament tal-wirt ta’ pajjiżna, b’dan il-proġett ta’ restawr qed nagħtu valur akbar lil dan is-sit storiku, li b’hekk jista’ jitgawda fit-tul mill-pubbliku u mit-turisti,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li dan ir-restawr huwa turija tal-ħidma li qed issir biex inkomplu nipproteġu u nippreservaw l-identità tagħna, kif ukoll biex inkomplu ngħollu l-valur kulturali tal-lokalitajiet tagħna.
L-Onorevoli Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-Ministru Owen Bonnici li permezz tad-Direttorat għar-Restawr u l-preżervazzjoni qed iwettaq xogħol ta’ kwalità għolja.
Zerafa Civelli kompliet billi qalet li l-Kunsilli Lokali tal-Fgura u ta’ Bormla, flimkien mal-Fondazzjoni Kottonera u l-poplu ta’ dawn il-lokalitajiet, huma ferm grati għal dawn ix-xogħolijiet li huma parti importanti mill-wirt storiku u kulturali tagħna.Ix-xogħlijiet ta’ restawr li saru kienu jikkonsistu f’tindif, tikħil mill ġdid tal-fili, plastic repair tal-ġebel, bdil ta’ ġebel iddeterjorat, u restawr tas-sur u l-parapett, u restawr tas-superior slope. Ir-restawr jinkludi wkoll konsolidament ta żoni fraġli tal-ġebel, u xogħolijiet oħra ta’ konservazzjoni tal-ġebel li minnu hu mibni dan is-sur.
Preżenti kien hemm ukoll is-Sur Joe Mizzi Chairman Fondazzjoni Kottonera, membri tal-Kunsill Lokali tal-Fgura u membri tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.