Monday, May 13, 2024

Tlestew ix-xogħlijiet fuq il-bini mill-ġdid tal-breakwater tal-Marfa

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €2.1 miljun, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid tal-breakwater tal-Marfa. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett waqt żjara fuq is-sit tal-proġett.

Dan il-breakwater imur lura għexieren ta’ snin u sakemm inbena l-port taċ-Ċirkewwa, f’nofs is-sebgħinijiet, kienu jitrakkaw miegħu l-laneċ li kienu joperaw il-vjaġġi bejn Malta u Għawdex, iżda tul is-snin ġarrab ħsarat konsiderevoli kaġun tal-elementi.

Permezz ta’ stħarriġ strutturali ġie kkonfermat li partijiet sostanzjali mill-istruttura ta’ dan il-breakwater  kienu mikulin jew totalment imkissrin. Għaldaqstant, l-aġenzija bniet mill-ġdid l-istruttura kollha tal-breakwater, inkluża l-gverta twila 85 metru u wiesgħa 9 metri, il-ħajt (sea wall) li jipproteġiha mill-qawwa tal-mewġ u anke għamlet tiswijiet estensivi fil-pedamenti li hemm f’qiegħ il-baħar.

Il-Ministru Bonett spjega li dan il-proġett huwa parti minn proġett akbar ta’ restawr ta’ breakwaters madwar Malta, inklużi dawk ta’ Marsaxlokk, Marsaskala u issa l-Marfa, li jservu kemm ta’ lqugħ għall-elementi kif ukoll ta’ rmiġġ għad-dgħajjes tas-sajjieda u ta’ dawk li jipprovdu s-servizz  ta’ trasport bejn Malta u Kemmuna. Huwa temm jgħid li dan il-proġett jirrifletti l-ħidma kontinwa tal-Gvern li jkompli jinvesti fl-infrastruttura marittima.

Il-Kap tat-Taqsima Marittima ta’ Infrastructure Malta, Janice Borg, qalet li dan il-proġett kien meħtieġ wara ħsarat li l-breakwater ġarrab mill-elementi u l-maltempati li ħakmuh matul is-snin. Żiedet tgħid li wara ħidma estensiva li tvarja minn bini mill-ġdid tal-pedamenti tal-breakwater sa sistemi ġodda ta’ dawl madwar l-istruttura, din l-infrastruttura tista’ terġa’ tintuża mill-ġdid mil-laneċ tas-sajjieda kif ukoll mid-dgħajjes tal-passiġġieri u mid-dilettanti tas-sajd bil-qasba.

Il-ħidma fuq il-breakwater tal-Marfa kienet tinkludi wkoll installazzjoni ta’ dawl ġdid u sistemi oħra ta’ sigurtà madwar il-breakwater. Dan il-proġett kiseb finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

Sport