Sunday, November 24, 2024

Tlett irġiel jammettu li ħebbew għal raġel u ferewh gravi

… tnejn ingħataw il-libertà kkundizzjonata u ieħor b’ordni ta’ probation

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 20 sena u raġel ta’ 29 sena li flimkien ma’ persuna oħra ħebbew għal ieħor u darbuh gravi ġew illiberati bil-kundizzjoni li ma jwettqux reat ieħor fi żmien sena. Il-persuna l-oħra involut f’dan ir-reat, raġel ieħor ta’ 28 sena, tqiegħdet taħt ordni ta’ probation għal sentejn.

John Critien ta’ 20 sena residenti l-Qrendi, Nigel Dingli ta’ 28 sena residenti l-Imqabba, u Jurgen Bonaci ta’ 29 sena residenti Birkirkara, ġew akkużati li fl-14 ta’ Diċembru tal-2020, għall-ħabta tal-10:00 p.m., ħebbew għal raġel f’komun ta’ garaxxijiet f’Birkirkara, u kkaġunawlu feriti gravi.

Il-Qorti, meta ġiet għas-sentenza, ikkunsidrat l-ammissjoni bikrija tal-imputati, l-età tagħhom fiż-żmien meta wettqu r-reat, kif ukoll il-pre-sentencing report li ġie mħejji minn tliet uffiċjali tal-probation. Għaldaqstant, il-Qorti dehrilha li piena ta’ ħabs mhix idonea f’dawn iċ-ċirkostanzi u rrakkomandat ukoll li l-imputati ma jitilfux l-impjieg tagħhom.

Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, sabet lit-tliet imputati ħatja fuq ammissjoni tagħhom stess. Critien u Bonaci ġew illiberati bil-kundizzjoni li ma jwettqux reat ieħor fi żmien sena, filwaqt li Dingli ġie ordnat jitqiegħed taħt ordni ta’ probation għal sentejn.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley.

Sport