Tuesday, May 21, 2024

Tlett irġiel oħra fil-Qorti b’rabta mal-ġlieda fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Tlett irġiel oħra nżammu taħt arrest preventiv b’rabta ma’ ġlieda li seħħet barra l-għassa tal-Ħamrun it-Tlieta li għadda.

Ibrahim Flej ta’ 33 sena, Ismael Rajih ta’ 32 sena, Kacem Al Flieg ta’ 23 sena, li kollha joqogħdu fl-istess appartament f’Ħal Qormi, ġew mixlija li weġġgħu ħafif raġel ieħor, li kienu parti minn ġemgħa t’10 persuni jew aktar sabiex iwettqu reat u li kisru l-paċi pubblika. 

L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa spjegat lill-Maġistrat Joseph Gatt kif l-uffiċjali fl-għassa tal-Ħamrun semgħu ħsejjes kbar ta’ kommossjoni ġejja minn barra. Meta ħarġu mill-għassa, l-uffiċjali marru fejn kienet qed isseħħ il-ġlieda u ġew arrestati xi persuni. 

Filmati tas-CCTV miż-żona urew grupp ta’ rġiel ħerġin minn vann u sussegwentement jieħdu sehem fil-ġlieda. Wieħed mill-irġiel jidher ukoll imur lura fil-vann u joħroġ biċċa njama li allegatament intużat fil-każ. 

Sadanittant, b’rabta mal-istess każ, il-Ħamis li għadda tressqu żewġ Sirjani oħra u baqgħu miżmuma taħt arrest preventiv. 

It-tlitt irġiel li tressqu fil-Qorti l-Ġimgħa fejn ukoll wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tagħhom. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li għad baqa’ diversi xhieda li għad iridu jixhdu u kif ukoll minħabba n-natura tal-akkużi.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant inżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

L-imputati kienu assistiti mill-Avukat Frank Tabone, Arthur Azzopardi u Jacob Magri. 

Sport