Monday, September 23, 2024

Is-Sena l-Ġdida Ċiniża

Luana Cini
Luana Cini
Sinoloġista

Aqra wkoll

Iċ-Ċiniżi jgawdu minn ħafna festi matul is-sena imma l-bidu tas-sena l-ġdida tagħhom Il-bidu tas-Sena l-Ġdida Ċiniża jew il-Festa tar-Rebbiegħa 2024 hija s-Sena tad-Dragun skont iż-żodijaku Ċiniż. Kull sena fiż-żodijaku Ċiniż hija assoċjata ma’ annimal Ċiniż, u d-Dragun huwa meqjus bħala simbolu ta’ saħħa, kuraġġ u fortuna tajba. Huwa żmien li wieħed iħaddan it-tradizzjonijiet Ċiniżi speċjalment fejn tidħol il-familja, tgawdija tal-ikel ta’ dan iż-żmien u xewqa għall-prosperità u l-kuntentizza fis-sena li ġejja.

Din is-sena taħbat is-sena tiegħi għaliex 36 sena ilu fl-1988, kienet taħbat is-sena tad-Dragun. Kull annimal fiż-żodijaku Ċiniż jitfaċċa kull 12-il sena. Din is-sena jibda fl-10 ta’ Frar u jdum għaddej għal ġimgħatejn sħaħ, bil-Lantern Festival jagħlaq iċ-ċelebrazzjonijiet.

Id-data tiġi deċiża mill-Kalendarju Lunar Ċiniż, li huwa bbażat fuq iċ-ċikli tal-qamar u x-xemx u ġeneralment huwa 21–51 jum wara l-kalendarju Gregorjan (il-kalendarju li huwa wżat internazzjonalment).

Dan l-avveniment jiġi ċċelebrat madwar iċ-Ċina kollha Iżda s-sena l-ġdida tiġi ċċelebrata wkoll f’ħafna pajjiżi oħra li jew jużaw il-kalendarju lunari jew għandhom popolazzjonijiet kbar li jitkellmu ċ-Ċiniż. Dawn il-pajiżi jinkludu l-Malasja, il-Vjetnam, il-Korea t’isfel, il-Mjanmar, it-Tajlandja, il-Kambodja, Singapor u l-Filippini, kif ukoll komunitajiet Ċiniżi li wieħed jista’ jsib kważi f’kull pajjiż ieħor fid-dinja.

Is-Sena l-Ġdida Ċiniża għandha storja li tifrex fuq 3,000 sena. Oriġinat bħala mod biex tiċċelebra t-tmiem tax-xitwa u l-bidu tar-rebbiegħa. Din il-festa għandha għeruq sodi fil-mitoloġija u l-folklor Ċiniż u evolvhiet matul is-sekli biex illum saret ċelebrazzjoni grandjuża.

Li ġejjin huma ftit mill-attivitajiet jew affarijiet li jispikkaw waqt dawn il-ġimgħatejn imsemmija:

L-għaqda tal-Familja: Bħal Thanksgiving fil-kulturi tal-Punent, is-Sena ġdida Ċiniża hija żmien importanti għaliex kulħadd imur lura għal żjara għand il-familja u l-iktar ħaġa li tispikka f’dawn il-ġimgħatejn hija l-ammont kbir t’ikel li jiġi msajjar għaliex l-iktar żewġ affarijiet li jħobbu ċ-Ċiniżi huma l-familja u l-ikel.

Id-dekorazzjonijiet Ħomor: L-aħmar huwa l-kulur primarju assoċjat ma’ xorti tajba u kuntentizza fil-kultura Ċiniża. Id-djar Ċiniżi jiġu mżejna b’fanali ħomor, couplets, u bl-annimal żodijaku ta’ dik is-sena.

Waqt il-bidu tas-sena l-ġdida, iċ-Ċiniżi jgawdu minn ikel tradizzjonali: bħal famużi ‘spring rolls’, dumplings, ħut u kejkijiet tar-ross. Dan l-ikel iġorr tifsiriet simboliċi relatati mal-prosperità u l-abbundanza. Ma ninsewx l-ammont kbir t’alkoħol li jikkonsmaw.

L-għotja tal-envelops ħomor li jissejħu Hongbao: Hija drawwa taċ-ċiniżi li jagħtu envelops ħomor lit-tfal, li jkun fihom il-flus, bħala ġest ta’ rieda tajba u tberik. 

F’dawn il-ġimgħatejn ta’ ċelebrazzjonijiet, fit-toroq ġewwa ċ-Ċina, wieħed ikun jista’ jinnota ammont kbir ta’ żfin tad-draguni. Iċ-Ċiniżi jattendu kemm parati kif ukoll wirjiet lokali li jkun fihom iż-żfin tad-dragun. Dan iż-żfin partikolari huwa maħsub li jġib xorti tajba u jkeċċi l-ispirti ħżiena.

Hija drawwa taċ-ċiniżi li jnaddfu djarhom iktar minn qatt qabel f’dan iż-żmien u jiftħu l-bibien ta’ djarhom sabiex iħalli x-xorti tajba tidħol ġewwa. Skont it-tradizzjoni, ħadd m’għandu jiknes it-trab mill-bieb ‘il barra f’każ li tkun qed tiknes ix-xorti tajba għas-sena l-ġdida barra mill-bieb.

Dawk li twieldu fis-sena tad-dragun huma maħsuba li huma ambizzjużi, eneġetiċi, kariżmatiċi u ħafna drabi jispiraw lil nies oħra bil-passjoni u l-entużjażmu tagħhom. Huma meqjusa bħala mexxejja, nies kunfidenti u li ma jibżgħux jieħdu riskji. Bil-personalita tagħhom faċli ssibhom fiċ-ċrieki soċjali u professjonali.

Hemm diversi leġġendi li jirrigwardaw ċ-ċelebrazzjonjiet tas-Sena l-Ġdida Ċiniża. Ħafna jikkonċernaw l-istorja ta’ mostru ikrah u għatxan għad-demm. Dan il-mostru kien jismu Nian, Huwa kien joħroġ matul il-lejl qabel tibda sena ġdida sabiex jeqred l-irħula u jiekol in-nies.

Darba waħda kien hemm anzjan għaqli li ta parir lir-raħħala sabiex ibeżżgħu lill-mostru bi ħsejjes qawwija. Dak il-lejl, kienu taw in-nar lill-bambu, xegħlu l-logħob tan-nar u bdew jagħtu fuq it-tnabar tagħhom. Il-mostru beża’ minn dawn il-ħsejjes u dwal qawwija u ħarab sabiex jistaħba ġo għar.

Verżjoni oħra tal-ħrafa tal-mostru hija li anzjan irnexxielu jikkonvinċi lill-mostru Nian sabiex ir-rabja kbira li kellu jipprogettaha fuq mostri oħra u mhux fuq ir-raħħala. Qabel ma deher riekeb fuq Nian, l-anzjan ta parir lir-raħħala sabiex idendlu dekorazzjonijiet magħmula minn karti ħomor ġewwa djarhom ujqabbdu murtali mat-tokki ta’ nofs il-lejl sabiex iżommu lill-mostru Nian ‘il bogħod.

Imbagħad fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida, ir-raħħala ċċelebraw u sellmu lil xulxin bil-kliem Guo Nian li tfisser Nian għadda u spiċċa. Din il-leġġenda għadha tiddi sal-lum bil-kelmiet Guo Nian li fil-lingwa ċiniża llum tfisser ‘ċelebrazzjoni għas-sena l-ġdida’.

Wieħed minn kull ħames persuni fid-dinja huwa Ċiniż imma ma jfissirx li din il-festa tiġi ċċelebrata biss miċ-Ċiniżi. Londra, San Fransisko u Sydney jsostnu li għandhom l-ikbar ċelebrazzjonijiet tal-Festa tar-Rebbiegħa barra mill-Asja.

Ma għaddhietx sena minn kemm ili nistudja s-Sinoloġija li ma niċċelebrax din il-festa jien ukoll, għaliex il-komunita Ċiniża f’Malta dejjem qed tikber u l-attivitajiet ma waqfux. Lill-sħabi ċ-Ċiniżi nifirħilhom sena mill-aqwa. 

Sport