Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

Aqra wkoll

Tliet Ambaxxaturi ġodda ppreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta, illum, l-Erbgħa 18 ta’ Novembru 2026.

Dawn huma:L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Gwatemala, Santiago Palomo Vila;l-Ambaxxatriċi tar-Repubblika tal-Libanu, Carla Jazzar;ul-Ambaxxatriċi tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, Nguyen Phuong Anh. 

L-Ambaxxatur tal-Gwatemala esprima l-impenn ta’ pajjiżu li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali ma’ Malta, filwaqt li identifika l-infrastruttura marittima, l-immaniġġjar tal-portijiet u t-turiżmu sostenibbli bħala oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni.

Huwa enfasizza wkoll l-impenn komuni taż-żewġ pajjiżi favur id-demokrazija, is-saltna tad-dritt u l-multilateraliżmu, filwaqt li tkellem dwar l-importanza tad-djalogu u l-kontribut ta’ pajjiżi żgħar għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta affermat ir-rieda ta’ Malta li taqsam l-esperjenza u l-għarfien tagħha mal-Gwatemala, b’interess speċjali li tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni.

L-Ambaxxatriċi tal-Libanu esprimiet l-apprezzament ta’ pajjiżha għall-appoġġ kontinwu ta’ Malta favur is-sigurtà u l-benessri tal-poplu Libaniż, partikolarment fid-dawl tal-isfidi li għaddej minnhom ir-reġjun. Filwaqt li enfasizzat ir-rabtiet storiċi u kulturali li ilhom jgħaqqdu liż-żewġ pajjiżi, hija aċċennat l-impenn tal-Libanu li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali, b’mod partikolari fis-settur marittimu, is-sigurtà, il-kultura u l-edukazzjoni.

Min-naħa tagħha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono tenniet l-impenn ta’ Malta li tkompli tappoġġja l-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità tal-Libanu, inkluż billi tipparteċipa f’inizjattivi multilaterali. Il-President irrikonoxxiet ukoll ir-rwol umanitarju importanti tal-Libanu, partikolarment fl-għoti ta’ assistenza umanitarja lill-persuni li ġew bżonn għajnuna u rifuġju, kawża tas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.

L-Ambaxxatriċi tal-Vjetnam sostniet l-impenn ta’ pajjiżha li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Vjetnam u Malta, u enfasizzat il-potenzjal li hemm għal aktar kooperazzjoni fl-oqsma tal-kummerċ, l-investiment, ix-xjenza u t-teknoloġija, b’mod partikolari fis-settur farmaċewtiku.

Min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta laqgħet l-isforzi li qed isiru biex ikun hemm żvilupp pożittiv fir-relazzjonijiet bilaterali u tenniet il-konverġenza fil-pożizzjonijiet taż-żewġ pajjiżi dwar kwistjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-impenn komuni tagħhom favur il-promozzjoni tal-paċi, is-sigurtà u d-djalogu kostruttiv permezz tal-kooperazzjoni multilaterali.

Il-President Myriam Spiteri Debono ferħet lill-Kummissarju Għoli u lill-Ambaxxaturi għall-ħatra tagħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport