Saturday, December 28, 2024

Tliet bouncers oħra fil-Qorti b’rabta mal-feriment f’Paceville

… tnejn minnhom jammettu u jeħlu €100 kull wieħed wara li l-vittma ħafrilhom

Aqra wkoll

Tliet bouncers oħra tressqu fil-Qorti b’rabta mal-feriment f’Paceville fil-lejl tal-ewwel tas-sena. 

Tnejn minnhom – Aleksandar Kovacic ta’ 27 sena u Ivan Marjanovic ta’ 42 sena – li huma mis-Serbja iżda residenti l-Imsida kienu mixlija li ħebbew għal Ahmed Adam Idriss Albarjo u li kisru l-paċi pubblika. 

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, it-tnejn li huma wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom wara li l-vittma ħafrilhom. Min-naħa tagħhom, il-bouncers ukoll talbuh skuża.

Fid-dawl ta’ din l-ammissjoni, il-Qorti sabithom ħatja tal-akkużi u kkundanathom multa ta’ €100 kull wieħed. 

Warajhom tressaq bouncer ieħor – Peter Bajic – li wieġeb mhux ħati tal-akkużi, li jinkludu wkoll li kien qed jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà mingħajr liċenzja, u baqa’ miżmum arrestat.

Sadanittant, quddiem il-Maġistrat Nadine Lia bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra ż-żewġ bouncers l-oħra Rialj Gragjevic u Ryan Zammit – li jinsabu mixlija li kkaġunaw ġrieħi gravi fuq il-vittma.

Fis-seduta tal-lum, issejjaħ biex jixhed Aleksandar Kovacic li qal li daħal f’nofs il-ġlieda u li wara mar lura fil-club.  Qal li intervjena għax il-kollegi tiegħu kienu qed jiġu aggrediti.  

Qal li Albarjo attakka lil Riald bi flixkun imkisser u darbu fi spalltu. Qal li xħin ra l-kollegi qed jgħinuh, hu mar lura f’postu. Huwa lanqas ma seta’ jikkonferma kemm kien hemm nies involuti f’dan il-każ.

Ix-xhud kompla jgħid li Albarjo mar ikellem lill-pulizija u wara mar reġa’ mar lura fejn kienu huma. Fuq l-earphones huwa sema’ “barra barra” u li l-bouncers ta’ mal-bieb bdew isejħulu biex joħroġ. Qal li ra lil Albarjo jiġri u wara qabduh u l-kumplament inqabad fuq il-filmat.

Warajh tela’ jixhed Albarjo. Wara li ngħata twissija mill-Maġistrat sabiex jixhed b’kawtela inkella jista’ jaffaċċja akkużi oħra, ix-xhud talab li jikkonsulta mal-avukat tiegħu, Roberta Bonello Felice u meta mar lura qal li jixtieq jaħfer u ma jridx jixhed.

Warajh tela’ jixhed Petar Bajic, li aktar kmieni wieġeb mhux ħati. Huwa rrifjuta li jixhed minħabba li għad hemm proċeduri kontrih.

Il-każ ikompli l-ġimgħa d-dieħla. B’rabta ma’ dan il-każ, l-allegat vittma qed ikun mixli wkoll li weġġa’ ħafif bouncer wara li waddablu flixkun kif ukoll li kiser il-paċi pubblika. Huwa bħalissa jinsab miżmum taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Ekonomija

Sport