Monday, May 13, 2024

Tliet imħallfin ġodda jieħdu l-ġurament tal-ħatra

Aqra wkoll

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, Dott. Henri Mizzi u Dott. Mark Simiana ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala mħallfin fil-Qrati Superjuri ta’ Malta waqt ċerimonja li tmexxiet mill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt.

Il-President fakkar lill-imħallfin ġodda li mil-lum ’il quddiem, il-ħidma tagħhom ser tkun waħda li ġġorr magħha ħafna aktar responsabbiltà. “Bil-ħidma u l-ġudizzju tagħkom ser ikomplu jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ kull min jinsab f’pajjiżna, bla ebda distinzjoni jew preferenzi”, stqarr il-President, waqt li fakkarhom li l-ġustizzja trid tkun waħda li ma tħares lejn wiċċ ħadd, bla ebda favur jew preġudizzju ta’ klassi, razza, reliġjon jew ġeneru.

Matul id-diskors tiegħu, il-President Vella qal li l-ġustizzja biex titwettaq kif inhu xieraq, titlob ċirkostanzi ta’ indipendenza sħiħa minn kull indħil, influwenza jew pressjoni esterna. Il-President fakkar li “f’dawn il-ħatriet prestiġjużi ma nistgħux naġixxu mod waqt il-qadi ta’ dmirijietna u mod ieħor waqt l-hekk imsejjaħ ‘ħin privat’ tagħna.” Żied li r-responsabbiltà, il-professjonalità u l-imparzjalità jridu jinżammu u jidhru dejjem u kullimkien.

Filwaqt li appella lill-imħallfin ġodda biex iżommu dejjem u jibżgħu għall-integrità tagħhom, il-President ħeġġiġhom biex iżommu fuq quddiem nett, u f’kull ħin, ir-rispett lejn il-pożizzjoni li se jokkupaw, il-ħarsien tal-etika u fuq kollox l-onestà lejn il-ġurament tal-ħatra.

Il-President Vella awgura lill-imħallfin ġodda biex jagħmlu dak kollu mistenni minnhom b’ħeġġa, bi professjonalità u fuq kollox b’għira għat-twettiq tal-ġustizzja.

Għaċ-ċerimonja tal-ħatra kienu preżenti l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Avukat tal-Istat Chris Soler.

Sport