Monday, May 6, 2024

Jappella liż-żgħażagħ ma jaqtgħux qalbhom jidħlu għall-politika

Il-Ministru Owen Bonnici jsostni li jekk għandhom ir-rieda ħadd u xejn m'għandu jwaqqafhom

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-winding up, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq li l-Gvern irid li ż-żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena jkunu fuq quddiem nett fil-lokalitajiet tagħhom. B’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li se jippermetti li żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena jokkupaw il-kariga ta’ Sindku jew Viċi Sindku jekk ikunu eletti u jġibu l-akbar numru ta’ voti huwa qal li jemmen bis-sħiħ li żagħżagħ ta’ din l-età, jekk ikollhom il-fiduċja tan-nies, ikunu jistgħu jmexxu l-lokalità.

Il-Ministru Bonnici qal li jista’ jkun hemm min isaqsi jekk għandux ikun hemm xi tip ta’ mentoring għal dawn iż-żagħżagħ. Huwa saħaq li jemmen li din l-għajnuna għandha tingħata lil kulħadd irrispettivament jekk persuna hijiex maġġorenni jew le.

Il-Ministru Bonnici semma wkoll kif filwaqt li fl-aħħar budget ta’ Gvern Nazzjonalista, l-allokazzjoni għall-Kunsilli Lokali kienet ta’ €36.5 miljun, illum, taħt Gvern Laburista, l-allokazzjoni għall-Kunsilli hi ta’ €64.5 miljun, jiġifieri kważi d-doppju.

Fl-isfond ta’ dan kollu, huwa saħaq li jrid jintbagħat messaġġ dwar il-potenzjal li ż-żgħażagħ kapaċi joffru. Temm jappella liż-żgħażagħ biex ma jaqtgħux qalbhom u jkunu kuraġġużi jekk iħossu r-rieda li jkunu parteċipi fil-lokalitajiet tagħhom.

Sport