Friday, November 15, 2024

AĠĠORNAT: Tliet każi tal-varjant tal-Covid-19; Tmien anzjani pożittivi wara li marru tombla; Il-każini u l-bars se jibqgħu magħluqin

Aqra wkoll

Mit-3,043 swab test li ttieħdu matul dawn l-aħħar 24 siegħa kien hemm 124 persuna li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19. Fl-istess waqt kien hemm 138 persuna li rkupraw mill-virus. Dan wassal biex ir-rata tal-każi attivi jkomplu jonqsu, biex issa jammontaw għal 1,392. 

Kien hemm ukoll persuna li mietet kaġun tal-virus. L-anzjana, ta’ 93 sena li kienet pazjenta fil-faċilità tal-Good Samaritan, kienet irriżultat pożittiva git-22 ta’ Diċembru li għadda.

Aktar kmieni llum id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kkonferma li f’Malta ġew reġistrati l-ewwel każi ta’ persuni li rriżultaw pożittivi għall-varjant il-ġdid tal-Covid-19 li kien reġistrat għall-ewwel darba fir-Renju Unit.

Intant b’rabta ma’ dan fil-konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat l-aġġornamenti dwar il-pandemija f’pajjiżna, il-Professur Gauci qalet li s’issa kien hemm tliet persuni li rriżultaw pożittivi għall-varjant tal-virus. Hija qalet li tnejn mit-tliet każi jikkonċernaw persuni barranin li waslu Malta mir-Renju Unit. Huma rriżultaw pożittivi minn testijiet li sarulhom wara l-wasla tagħhom f’Malta, u sussegwentement tpoġġew taħt kwarantina b’effett immedjat. It-tielet każ jikkonċerna persuna Maltija, madankollu l-Professur Gauci qalet li l-investigazzjonijiet f’dan il-każ għadhom għaddejjin.

Hija qalet li wara li l-varjant il-ġdid kien rapportat fir-Renju Unit, l-awtoritajiet tas-saħħa bagħtu għall-persuni kollha li waslu mill-Ingilterra mit-13 ta’ Diċembru ’l quddiem. Minn dawn kien hemm tmienja li rriżultaw pożittivi, fosthom iż-żewġ każi pożittivi għall-varjant tal-virus. Hija saħqet li l-varjant il-ġdid tal-virus huwa ferm aktar faċli li jittieħed, bir-rata tkun ta’ madwar 70% aktar.

Intant il-Professur Gauci qalet li fit-taqsima tal-kura intensiva fl-Isptar Mater Dei hemm 12-il pazjent li qed jirċievu kura għall-virus.

Hija wissiet dwar l-iżvolġiment ta’ attivitajiet soċjali wara li l-awtoritajiet innotaw numru ta’ każi f’persuni li kienu qed jattendu tali attivitajiet.

B’mod partikolari għamlet referenza għal tmien persuni anzjani li rriżultaw pożittivi wara li attendew tombla. B’rabta ma’ din l-attività hemm 70 anzjan li qed jinżammu fi kwarantina.

Hija qalet li matul l-aħħar ġimgħa kien hemm 152 każ li rriżultaw minn kuntatt ma’ qraba pożittivi għall-virus, 63 każ ta’ trasmissjoni fuq il-post tax-xogħol, u 37 każ relatat mal-attivitajiet soċjali.

Meta kienet qed twieġeb għal mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Professur Gauci qalet li l-Avviż Legali li jitlob li clubs, bars u każini fost oħrajn jibqgħu magħluqin, se jkun qed jiġi estiż sal-1 ta’ Frar. Dawn l-istabbilimenti ngħalqu fl-aħħar ta’ Ottubru wara li l-Gvern introduċa restrizzjonijiet ġodda biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-virus fost il-komunità.

Il-ħsieb inizjali kien li dawn jerġgħu jiftħu fil-bidu ta’ Diċembru, madankollu l-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar li l-Avviż Legali inkwistjoni kien se jiġi estiż sal-aħħar tas-sena.

Ekonomija

Sport