Żewġt irġiel u mara ta’ nazzjonalità Maltija kien ikkundannati 23 sena ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja li daħlu fi stalla fejn jgħixu numru ta’ immigranti u serqu lil wieħed minnhom.
Il-każ kien seħħ fit-22 ta’ Novembru 2018 minn remissa li tinsab fi Triq l-Istalel fil-Marsa u dwar dan il-każ tressqu fil-Qorti John Mifsud, Noel Borg u Leanne Chalbi.
Huma kienu mixlijin li serqu bagalja b’€4,000 lil Lamin Jammeh, raġel mill-Gambja, biż-żewġt irġiel ġew mixlijin ukoll li ikkaġunawlu ġrieħi. It-tlieta li huma kienu akkużati wkoll li kisru sentenzi tal-Qorti.
Mill-investigazzjoni tal-Pulizja rriżulta li t-tlieta li huma daħlu fl-istallu u ħadulu l-bagalja li fiha Jammeh kien qed iżommu madwar €4,000 li parti minnhom kienu tiegħu u parti ta’ żewġ immigranti l-oħra.
Jammeh ġera wara l-karozza li biha ħarbu t-tliet Maltin u spiċċa mkaxkar mal-art waqt li qabad mal-karozza hekk kif ipprova jwaqqafha.
Wara li, fost oħrajn, rat il-filmati ta’ CCTV cameras fl-inħawi l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech sabet lit-tliet akkużati ħatja u ikkundannat lil Mifsud għal 10 snin ħabs, Borg għal seba’ snin ħabs u Chalbi sitt snin ħabs.
Minbarra hekk ordnat lil Mifsud iħallas lil Jammeh €8,000; lil Borg biex jagħtih €7,000 u lil Chalbi €2,000 talli weġġgħuh waqt is-serqa.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Stacey Attard.