Monday, December 9, 2024

Tliet persuni arrestati wara sparatura f’Bormla

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tliet persuni qegħdin jinżammu arrestati fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija b’rabta ma’ argument li seħħ tard ilbieraħ filgħaxija.

Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tad-9:00 p.m fi Triq id-Dejqa, Bormla. Il-pulizija tad-distrett irċeviet telefonata li, x’aktarx seħħet sparatura waqt argument bejn żewġ Maltin u żewġ żgħażagħ barranin. Huma marru minnufih fuq il-post, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) fejn sabu lill-erba’ persuni involuti u li jgħixu fl-istess triq.

Mill-ewwel investigazzjonijiet illi saru rriżulta li żewġt aħwa irġiel ta’ 24 sena u 20 sena, allegaw li raġel ta’ 55 sena spara tir fid-direzzjoni tagħhom, waqt li allegaw wkoll li iben ir-raġel, ta’ 26 sena, ukoll kien involut fl-argument.

Mir-residenza tar-raġel ta’ 55 sena, il-pulizija sabet l-arma tan-nar (senter) li x’aktarx intużat fl- isparatura, waqt li mit-triq ġew elevati xi balal u anke skartoċċ. Irriżulta li fil-każ ġie sparat tir wieħed u ħadd ma weġġa’. Waqt tfittxija li saret fir-residenza fejn jgħixu l-aħwa, il-pulizija sabet sustanza suspettata droga kannabis.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija biex tkun stabbilità d-dinamika tal-argument għadhom għaddejjin. Ir-raġel ta’ 55 sena u ż-żewġt aħwa qegħdin jiżammu mill-pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marseann Farrugia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

Ekonomija

Sport