Wednesday, December 25, 2024

Tliet skemi ta’ għajnuna għall-festi Maltin għal din is-sena

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar tliet skemi ta’ finanzjament immirati speċifikament għall-festi Maltin, b’investiment ta’ nofs miljun ewro għas-sena 2023.

It-tliet skemi ta’ finanzjament – Il-Fond għal Aktar Saħħa u Sikurezza fil-Kmamar tan-Nar, l-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-Għaqdiet tal-Armar tal-Festi, u l-Iskema Ngħinu Finanzjarjament lis-Soċjetajiet tal-Banda, huma mmaniġġjati mill-Kunsill Malti għall-Arti, bl-aħħar skema mmexxija b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.

“Inizjattivi bħal dawn jiffurmaw parti essenzjali mit-tisħiħ tat-tradizzjonijiet lokali tagħna għax b’hekk inkomplu ntejbu l-aċċessibbiltà fis-settur,” qal il-Ministru Bonnici, filwaqt li faħħar dawn l-iskemi għaliex juru l-importanza tal-kultura f’pajjiżna. “Qed nibnu fuq il-passat, u ninvestu lejn il-futur ta’ dawn it-tradizzjonijiet. Qed niżguraw ukoll li nissostanzjaw l-importanza li l-każini tal-banda, il-kmamar tan-nar, u l-assoċjazzjonijiet tal-festa għandhom fil-komunitajiet tagħna,” tenna l-Ministru Bonnici.

Il-Fond għal Aktar Saħħa u Sikurezza fil-Kmamar tan-Nar jiffaċilita l-investiment sabiex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura tal-kmamar tan-nar sabiex il-voluntiera jkunu jistgħu jaħdmu f’ambjent aktar sigur. L-allokazzjoni għal din is-sena hija ta’ €170,000 u kull proġett eliġibbli jista’ jingħata sa massimu ta’ €5,000. Is-sejħa hija miftuħa u tagħlaq f’nofsinhar tal-21 ta’ Marzu 2023.

L-Iskema Ngħinu Finanzjarjament lis-Soċjetajiet tal-Banda hija mmaniġġjats f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda. L-allokazzjoni għal din is-sena hija ta’ €160,000 u kull proġett eliġibbli taħt Kategorija A jista’ jingħata sa massimu ta’ €6,750, filwaqt li kull proġett eliġibbli taħt Kategorija B jista’ jingħata sa massimu ta’ €10,800. Dan il-fond jappoġġja numru ta’ proposti mill-każini tal-banda, speċjalment peress li dawn għandhom rwol importanti fil-komunitajiet u jservu bħala wieħed mill-punti ta’ dħul primarji għad-dinja tal-arti.

L-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-Għaqdiet tal-Armar tal-Festi tirrikonoxxi l-importanza tal-assoċjazzjonijiet tat-tiżjin tal-festi, assoċjazzjonijiet kulturali, u assoċjazzjonijiet soċjali li jaħdmu b’mod volontarju biex iħaddnu, jipproteġu, u jsaħħu t-tradizzjonijiet kulturali ta’ pajjiżna. L-allokazzjoni għal din is-sena hija ta’ €140,000 u kull proġett eliġibbli jista’ jingħata sa massimu ta’ €10,000.

Ekonomija

Sport