Saturday, November 23, 2024

Tliet snin ħabs talli pprova jisraq minn confectionery

Aqra wkoll

Raġel ta’ 48 sena kien ikkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li ipprova jwettaq ‘hold-up’ minn confectionery f’Ħaż-Żabbar.

Marcus John Calleja ammetta li fit-13 ta’ Novembru 2018, għall-ħabta tat-8.10 p.m., ipprova jisraq mill-Crystal Palace Confectionery b’dannu għal Joseph Attard u li żamm lill-istess Attard kif ukoll lil Darren Galea, Justin Cassar u Mary Cachia kontra l-volonta tagħhom.

Huwa ammetta wkoll li kellu arma fuqu, li sparaha f’distanza ta’ 200 metru minn belt jew raħal u li kiser diversi sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati.

Qabel tat is-sentenza tagħha, il-Maġistrat Rachel Montebello qieset diversi fatturi fosthom il-gravita tal-każ u l-passat kriminali tiegħu imma wkoll rieda li jimxi ‘l quddiem u jitbiegħed minn dan il-passat u li kemm ilu fil-Ħabs għamel tentattiv biex jirriforma lilu nnifsu fosthom mill-vizzju tad-droga.

Kien għalhekk li irrimarkat li kien ħaqqu “piena moderata” u minbarra s-36 xahar ħabs immultatu €800 waqt li ħarġet ordni ta’ trattament biex jiġi mgħejjun jiffaċċja l-problemi li għandu.

Il-prosekuzzjoni fil-konfront ta’ Calleja mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Joanna Piscopo.

Sport