Monday, December 23, 2024

Tliet snin ħabs wara li nqabad jisraq minn appartament fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Libjan ta’ 40 sena kien ikkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li pprova jisraq minn appartament. Il-każ seħħ fil-21 ta’ Frar 2020, għall-ħabta tal-5.15 a.m., fi Triq il-Kappillan Mifsud, il-Ħamrun.

Mohamed M Mahdi wieġeb ħati li kellu sikkina fil-pussess tiegħu u li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq persuna oħra. Huwa ammetta wkoll li seraq basket minn karozza, li wettaq reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u li sar reċediv.

Mill-fedina penali tal-imputat jirriżulta li hemm diversi sentenzi oħra reġistrati simili għal dak li tressaq bihom. Jidher ukoll li huwa kien ingħata diversi opportunitajiet sabiex jirriforma ruħu iżda qatt ma sfrutta dawk l-opportunitajiet jew irriforma ruħu, tant li reġa’ tressaq fuq reati oħra ta’ ċertu serjetà.

Fil-pre-sentencing report irriżulta li l-imputat dejjem kien karattru problematiku sabiex jikkonforma man-normi u l-liġijiet. Mill-istess rapport ħareġ ukoll li huwa kien lest joqgħod għal sessjonijiet ta’ medjazzjoni mal-vittma.

Jirriżulta li fiż-żmien tar-reat, l-imputat kellu l-vizzju tad-droga u x-xorb li kien ġabu jirrikorri għall-kriminalità kif ukoll għall-ħajja instabbli fejn anke drabi rrikorra għall-Isptar Monte Carmeli.

Wara li qieset kollox, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, sabitu ħati tal-akkużi kollha kif miġjuba kontra tiegħu u kkundannatu piena ta’ tliet snin priġunerija li minnhom għandu jitnaqqas il-perjodu li għamel taħt arrest preventiv.

Barra minn hekk, poġġiet lill-ħati taħt ordni ta’ trattament għall-perjodu ta’ tliet snin sabiex jingħata assistenza psikoloġika sabiex ikun jista’ jindirizza t-trawmi li għadda minnhom fil-passat u li kellhom impatt fuqu u jindirizza l-problemi tad-droga u alkoħol li għandu.

Ekonomija

Sport