Friday, December 20, 2024

Tliet snin ilu twaqqaf The Meeting Place 

Aqra wkoll

Fil-21 ta’ Mejju tas-sena 2019 twaqqaf The Meeting Place. Dan il-post li twaqqaf bi proġett iffinanzjat mill-Fondi Ewropej u minn Fondi Nazzjonali jaqa’ taħt ir-responsabilta’ tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) li tagħmel parti mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal (MSPC). Il-Fondazzjoni hija l-aġenzija nazzjonali ta’ ħarsien soċjali f’Malta u Għawdex u toffri għajnuna minn professjonisti mħarrġin apposta f’dan il-qasam. Il-Fondazzjoni timpjega ‘l fuq minn 900 impjegat li l-maġġoranza assoluta tagħhom (73%) huma ħaddiema soċjali (social workers), terapisti tal-familja, psikologi, psikoterapisti, ħaddiema fil-komunità (community workers), ħaddiema maż-żagħżagħ (youth workers), social mentors u support workers fost l-oħrajn. 

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni Charlo Lautier tkellem fid-dettall mal-Maniġer ta’ The Meeting Place Saviour Grima dwar il-ħidma li titwettaq f’dan il-post. 

Minn fejn oriġinat l-idea li jitwaqqaf dan il-post?

L-idea biex jitwaqqaf The Meeting Place bdiet fis-sena 2016, meta l-Fondazzjoni Marigold kienet ħarġet bl-idea li jkun hawn post fejn l-Għaqdiet mhux Governattivi (NGO’s) li ma jkollhomx fejn jiltaqgħu, ikollhom post dinjituż fejn ikunu jistgħu jlaqqgħu lill-membri tagħhom. Il-Fondazzjoni Marigold, wara bosta laqgħat ma’ diversi għaqdiet, ħareġ il-bżonn li dawn ikollhom għajnuna loġistika fosthom post fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu u jwettqu l-għanijiet tagħhom. B’hekk kien ġie identifikat post li kien mitluq fil-Marsa u ġie deċiż li jinbidel f’post fejn jiltaqgħu l-għaqdiet biex jagħtu t-taħriġ jew l-informazzjoni lill-membri biex iqattgħu ħin flimkien meta jorganizzaw attivitajiet edukattivi w soċjali. 

X’inhu l-iskop li twaqqaf The Meeting Place?

L-iskop ewlieni ta’ dan il-proġett kien li jagħti spazju lil Għaqdiet mhux Governattivi (NGOs) li jaħdmu ma’ nies vulnerabbli bħal persuni f’riskju ta’ povertà, persuni li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, persuni b’diżabilità kif ukoll tfal u anzjani. Dan ifisser li s-setturi soċjali, edukattivi, tas-saħħa u tal-mard rari għandhom permezz ta’ ‘The Meeting Place’, post adekwat fejn jistgħu jorganizzaw taħriġ, laqgħat, seminars, sezzjonijiet terapiji u attivitajiet sportivi.

Permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet dan il-post qed jilħaq l-iskop tiegħu billi ngħinu lin-nies u entitajiet jersqu għas-servizzi li jeżistu. Dan il-post jgħin ukoll biex jitnaqqsu l-abbużi u l-kriminalità. Dan grazzi għall-ħidma kollaborattiva mal-Kunsill Lokali u l-Pulizija tal-Komunità.

Xi jsir f’The Meeting Place?

Dan il-post li huwa miftuħ 24 siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd huwa pjattaforma għall-NGO’s kollha li jaħdmu fis-settur soċjali, Edukattivi, Saħħa u Mard Rari kif ukoll li jaħdmu ma’ nies vulnerabbli. Dan il-post li jattendu madwar 86 NGO li jiltaqgħu b’mod regolari mal-membri tagħhom, qed jintuża għal-laqgħat indvidwali, gruppi li jaħdmu flimkien, gruppi terapewtiċi u sapport, gruppi ta’ nies b’diżabilità u abiltajiet differenti kif ukoll minn żgħażagħ u tfal. Il-post huwa attrezzat apposta biex kull persuna tkun trattata b’mod ugwali anke fejn hemm diżabilità fiżika u/jew intelletwali.

Dan il-post qed ikun ta’ għajnuna wkoll għal dawk l-NGO’s jew fondazzjonijiet li joffru t-taħriġ tagħhom. Qed iservi wkoll bħala pjattaforma għan-Networking fejn diversi entitajiet jaħdmu flimkien għall-ġid tas-soċjetà. Matul dawn l-aħħar tliet snin saru diversi proġetti kemm lokali u kemm Ewropej, fejn dan il-post serva bħala strument fejn il-membri tal-għaqiet sabu post fejn jilqagħhom u fejn it-taħriġ tagħhom sar f’post dinjituż.

Minkejja l-pandemija dan il-post baqa jopera b’reqqa u b’miżuri għoljin ta’ servizz u saħħa lejn kull minn uża dan il-post. Dan il-post huwa mgħammar b’sigurtà u l-aħħar teknoloġija fejn l-NGO’s qed jagħmlu użu minnu.

Fi żmien il-pandemija kienu diversi NGO’s li baqgħu jiltaqgħu hawn f’post fejn serva ta’ għajnuna lil dawk il-ġenituri li għandhom it-tfal bl-awtiżmu li kienu jiġu matul il-ġimgħa u saħansitra anke fi tmiem il-ġimgħa biex jużaw il-Multi Sensory Room u l-grawnd bħala post ta’ għajnuna terapewtika. 

Dan il-post serva wkoll ta’ għajnuna għat-tfal tal-lokalità fejn saru proġetti fil-komunità u ma’ nies bl-abiltajiet differenti. Il-post qed iservi wkoll għat-terapija għaż-żgħażagħ li għaddew jew għaddejjin minn problemi fil-komunità jew problemi ta’ vizzji w terapija ta’ gruppi fejn għen diversi żgħażagħ u tfal jerġgħu jintegraw fil-komunità. Dawn l-aħħar snin dan il-post qed jintuża wkoll mill-FSWS biex isiru s-Supervised Accessed Visits (SAV’s) u laqgħat u taħriġ tal-impjegati.

X’qed isir bħalissa?

Bħalissa l-post bħal dejjem qed jilqa’ diversi NGOs. Xi wħud li nistgħu nsemmu huma:

  • Gruppi ta’ persuni b’diżabilità li jiġu jużaw il-kċina u s-swali biex jorganizzaw attivitajiet soċjali fejn iqattgħu ħin ta’ rikrejazzjoni flimkien;
  • Gruppi ta’ persuni b’diżabilità li jiġu jipprattikaw diversi attivitajiet sportivi bħal rugby u futbol;
  • Jilqa’ gruppi biex jieħdu taħriġ edukattiv biex ikomplu mexjin ’il quddiem kemm fl-istudji u/jew fil-karrieri tagħhom;
  • Individwi li jagħmlu sezzjonijiet ta’ tisjir;
  • Persuni li jbatu mill-awtiżmu u kundizzjonijiet oħrajn li jagħmlu terapija f’waħda mis-swali li ġiet magħmulha apposta;
  • Individwi żgħażagħ li għal xi raġuni ma jkunux komplew bl-istudji tagħhom fejn jingħataw taħriġ bażiku biex ikunu ppreparati għad-dinja tax-xogħol u biex jgħixu ħajja indipendenti.   

X’inhi l-viżjoni tagħkom?

Il-viżjoni tal-bord tad-diretturi u tal-Ministru hija li nkomplu nkunu ta’ sostenn għal dawk l-NGO’s li qed jaħdmu fil-qasam soċjali, edukativ u saħħa w mard rari u jkunu ta’ għajnuna għall-membri biex huma jkunu l-vuċi biex ngħinuhom jilħqu l-għanijiet tagħhom permezz ta’ għajnuna professjonali u amministrattiva. Viżjoni oħra li nixtiequ nilħqu hija li nibdew inlaqqgħu gruppi li jaħdmu fl-istess settur biex ngħinuhom jikkollaboraw flimkien biex isibu fondi biex jgħinu lill-membri tagħhom f’dak li jaqa’ taħt sapport u laqgħat wara l-pandemija.  Matul dawn l-aħħar xhur grazzi għall-għajnuna li sibna min-naħa tal- Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal (MSPC) inxtara apparat biex jintuża għal-laqgħat Hybrid biex NGO’s ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-membri tagħhom li ma jistgħux joħorġu minħabba li huma vulnerabbli, biex huma wkoll iħossuhom parti integrali fis-soċjetà.

Viżjoni oħra hi li jinħoloq għarfien biex dawk l-għadqiet li jaħdmu f’dan is-settur isiru jafu b’dan il-post. Il-ħaddiema ta’ The Meeting Place jagħmlu dak kollu possibli biex il-post jinżamm nadif u jkun dejjem aċċessibli għal kulħadd, biex b’hekk joffri spazju dinjituż. Irridu li l-NGOs iħossuhom milqugħin u jsibu post sigur fejn ikunu jistgħu jagħtu vuċi lill-membri tagħhom li ħafna drabi jkunu jagħmlu parti minn minoranzi. 

Kemm-il persuna għamlet użu minn The Meeting Place f’dawn l-aħħar tliet snin?

Minn Mejju tas-sena 2019 sa’ April ta’ din is-sena għamlu użu minn dan il-post ’il fuq minn 25,600 persuna minn 86 NGO differenti. 

Kif jistgħu persuni jew NGO’s oħrajn  jagħmlu kuntatt magħkom?

Min jixtieq iktar tagħrif dwar The Meeting Place jista’ jibgħat imejl fuq [email protected] jew iċempel fuq 25903493/5. Wieħed jista’ wkoll isib aktar informazzjoni billi jżur il-paġna ta’ Facebook li fiha hemm ritratti tal-avvenimenti li jorganizzaw l-NGO’s.

Ekonomija

Sport