Komunitajiet fi tliet stati Awstraljani ġew ordnati jevakwaw hekk kif xita torrenzjali ġabet magħha għargħar kbir.
Diversi partijiet mill-pajjiż irrappurtaw sa erba’ darbiet il-medja tax-xita li kellhom f’Ottubru f’24 siegħa biss. Minn tal-inqas 500 djar sfaw mgħarrqa, persuna tilfet ħajjitha u oħra tinsab nieqsa kawża ta’ dan l-għargħar.
It-tieni stat l-aktar popolat f’dan il-pajjiż, Victoria, kien l-aktar milqut minn dan l-għargħar matul din il-ġimgħa. Dan wassal ukoll biex kellhom jingħalqu l-iskejjel u jinqata’ d-dawl għal 3,000 residenza u anke negozji.
Il-Kap tal-Gvern fl-istat ta’ Victoria Daniel Andrews qal li n-numru ta’ djar mgħarrqa kien mistenni li jikber, u sejjaħ dan bħala wieħed mill-agħar avvenimenti ta’ għargħar f’dan l-istat f’għexieren ta’ snin. “Dan għadu biss il-bidu, u se jibqa’ magħna għal tul ta’ żmien,” qal Andrews.
Din is-sena sa issa, l-għargħar mifrux madwar l-Awstralja, qatel aktar minn 20 persuna.