Tuesday, July 22, 2025

Tliet turisti Sqallin mixlija li serqu Rolex b’valur ta’ €40,000 u erba’ mobiles

Aqra wkoll

Tliet turisti Sqallin tressqu l-Qorti mixlija li serqu arloġġ Rolex b’valur ta’ €40,000 u erba’ mobiles minn ‘beach club’ popolari f’Tas-Sliema.

Simone Serrafino ta’ 25 sena flimkien mal-aħwa Michele u David Francesco Messino ta’ 26 u 23 sena rispettivament, kienu mixlija b’akkużi ta’ serq aggravat.

It-tliet imputati, li kienu f’pajjiżna biex jiċċelebraw għeluq snin David, kienu se jirritornaw lura pajjiżhom it-Tnejn li għada.

L-Ispettur Ian Azzopardi spjega fil-Qorti kif il-Ħadd li għadda, il-Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema kienu infurmati mill-uffiċjali tas-sigurtà ta’ Toyroom f’Tas-Sliema li kienu waqqfu tlitt irġiel li allegatament kienu serqu xi oġġetti mill-basktijiet ta’ persuni oħra. 

L-uffiċjali tal-pulizija kienu marru fuq il-post fejn arrestaw lit-tlitt irġiel. Fil-Qorti, l-imputati wieġbu mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrihom, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-imputati m’għandhom l-ebda rabtiet ma’ Malta u li kienu f’pajjiżna biss biex jiċċelebraw għeluq snin wieħed minnhom. Żied jingħad li l-arloġġ waħdu li nsteraq kien jiswa aktar minn €40,000 u li għad fadal diversi xhieda pajżana li għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri. 

Id-Difiża argumentat li l-imputati kkoperaw bis-sħiħ mal-pulizija waqt l-interrogazzjoni tagħhom u li l-oġġetti misruqa kienu rritornati lura.

Madanakollu, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati u għaldaqstant inżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Manuel Grech u Daniel Vancell mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Ian Azzopardi. L-Avukat Joseph Calleja deher għall-imputati. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport