Waqt spezzjoni tat-traffiku li saret it-Tnejn filgħaxija f’Raħal Ġdid, il-Pulizija arrestaw tliet irġiel. meta fil-pussess tagħhom kellhom ammont konsiderevoli ta’ droga li nstabet f’ċirkostanzi li ma kintx għall-użu personali.
Waqt din l-ispezzjoni, il-Pulizija waqqfu vettura Peugeot 2008, misjuqa minn Ungeriż ta’ 38 sena, residenti San Ġwann u passiġġieri fl-istess vettura kien hemm żewġt irġiel oħra tal-istess nazzjonalità.
Minħabba suspett raġjonevoli, saret tfittxija fil-vettura u fil-bieba tan-naħa tax-xufier instab pouch u fih kien hemm tmien botttijiet b’sustanza bajda suspettata kokaina.
Fuq is-seat tal-istess xufier instab basket ieħor u fih kien hemm kontenitur tal-plastik b’numru ta’ pilloli suspettati MDMA mdawrin fil-foil. Minn aktar tfittxijiet fil-vettura, fuq wara nstab basket taddrapp u fih kien hemm 11-il borża tal-karti mimlijin kontenituri trasparenti u li fihom kien hemm aktar mill-istess sustanzi kif ukoll sustanza suspettata kannabis.
B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Rachel Montebello rispettivament, li min-naħa tagħha ħatret diversi esperti.
It-tlett irġiel qegħdin jinżammu arrestati fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, fil-Furjana u mistennija jitressqu l-Qorti llum, għas-2.30 p.m quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea