Monday, May 6, 2024

“Ma rridux degree fil-Malti imma carers barranin b’ħila li jikkomunikaw mal-pazjenti”

Enfasi li ħaddiema barranin ikollhom prova ta’ kapaċità bażika fil-Malti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Kollox jirrivolvi mal-kwalità tal-ħajja u aħna interessati li l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna tibqa’ titjieb f’pajjiżna”. Iddikjara dan il-Ministru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela f’intervista ma’ Talk.mt meta mistoqsi rigward jekk l-irwol ġdid tiegħu f’dekasteru aktar wiesgħa huwiex se jaffettwa lill-anzjani tagħna.

Il-Ministru Abela qal li fl-aħħar għaxar snin ilha għaddejja ħidma sħiħa biex il-kundizzjonijiet tal-anzjani jitjiebu dan jikkonfermawh ukoll diversi miżuri mħabbra fl-aħħar budget. Saħaq magħna dwar il-kunċett ta’ one health fejn is-settur tas-saħħa jrid ikun konġunt mas-servizzi li jingħataw l-anzjani. 

“Ma rridx nibdew nqabblu lin-nies ma xi conveyer belt, però l-kunċett qiegħed hemm li aħna ntejbu s-servizzi, nimmodernizzaw iżjed u b’hekk inkunu nistgħu niffukaw fuq kwalità ta’ ħajja aħjar għal dawn l-anzjani tagħna li jixirqilhom kull rispett għall-kontribut li taw meta felħu jagħmlu dan”, żied jgħid il-Ministru.

Sa minn xhur ilu waqt diskors parlamentari huwa kien irrefera għall-carers barranin bħala barka u mhux problema kif hawn ħafna li jqisuhom. Staqsejna lill-Ministru dwar dan fejn qalilna li quddiem domanda daqshekk kbira għas-servizzi tas-saħħa, pajjiżna bilfors irid jirrivolvi għal dawn il-ħaddiema barranin u s-servizz li jistgħu joffrulna għandna mhux biss nieħdu ħsieb li jiġu biex jagħtuh, iżda nagħmlu minn kollox biex inżommuhom għax fil-verità mhuwa l-ebda sigriet li m’hawnx interess miż-żgħażagħ Maltin biex jimlew il-postijiet biex inkunu nistgħu nkopru s-servizzi tas-saħħa kollha li hawn bżonn. 

Staqsejnieh dwar il-lingwa Maltija u l-istqarrija b’saħħitha tiegħu li se jkun qiegħed jesiġi li l-ħaddiema barranin ikunu jistgħu jikkomunikaw bil-lingwa tagħna. Qalilna li tul dawn l-aħħar ġimgħat saru diskussjonijiet ma’ diversi entitajiet li joffru s-servizz tat-tagħlim tal-Malti.

“Il-lingwa tagħna mhijiex faċli imma iva se nesiġi li carer barrani ġej minn fejn ġej ikun jista’ jikkomunika b’mod bażiku fuq affarijiet bħalma huma għandi l-ġuħ, bil-għatx, miġugħ. Niċċara punt, mhux se nitlob O levels, A levels jew xi degree fil-Malti imma anzjan jew pazjent fi sptar irid ikollu dik il-faċilità li min qiegħed jieħu ħsiebu qiegħed jifhmu”, kompla biex jgħid il-Ministru filwaqt li nnota li diġà ntlaħaq ftehim mal-Università biex fejn qabel kien ikun hemm 25 post għal tagħlim tal-Malti għall-barranin, dawn l-opportunitajiet żdiedu b’aktar minn erba’ darbiet iżjed. 

Il-Ministru qal li l-għan tal-ħidma tiegħu se tkun li jimbotta biex bħalma carer fil-Ġermanja jrid jitkellem bil-Ġermaniż jew carer fl-Ingilterra jrid jitkellem Ingliż bażiku, nimxu lejn sitwazzjoni biex persuna li se taħdem fis-sistema tas-saħħa Maltija jrid ikollha xi tip ta’ prova ta’ kapaċità bażika fil-lingwa Maltija. 

Sport