Saturday, May 4, 2024

Tlieta fil-Qorti b’rabta ma’ diversi serqiet 

Aqra wkoll

Tlitt irġiel tressqu l-Qorti b’rabta ma’ diversi serqiet fosthom dik li seħħet aktar kmieni din il-ġimgħa minn ħanut tal-logħob f’San Ġwann. 

L-irġiel huma Silvio Pace ta’ 53 sena mill-Ħamrun, George Galea ta’ 50 sena mill-Marsa u Ronald Urry ta’ 58 sena mill-Ħamrun. 

Huma ġew mixlija li fil-lejl ta’ bejn it-30 u l-31 ta’ Lulju wettqu serqa minn residenza li tinsab fi Triq il-Miratur, il-Floriana. 

Galea u Urry waħedhom ġew mixlija bis-serqa ta’ San Ġwann, li żammew żewġ persuni kontra l-volontà tagħhom u li għamlu l-ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor. 

Iż-żewġt irġiel ġew mixlija wkoll li nhar it-30 ta’ Lulju li għadda serqu ġiżirana minn fuq mara fi Triq Ta’ Ġiorni, San Ġiljan.

Galea waħdu kien akkużat li kellu arma waqt li kien qed jagħmel reat, li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Urry kien mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq il-mara mentri Pace kien mixli li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. It-tliet imputati ġew mixlija wkoll li kienu reċedivi.

Huma qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

L-Ispettur Lydon Zammit, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega lill-Qorti kif il-Pulizija rnexxielha tasal għall-imputati. Qal li l-ewwel rapport li daħal għand il-Pulizija kien dak tas-serqa li seħħet fuq mara waqt li kienet miexja f’Ta’ Ġiorni. 

“Konna infurmati li hija kienet avviċinata minn raġel li ħatfilha ġiżirana minn għonqha u wara daħal f’karozza li baqgħet sejra,” qal l-Ispettur Zammit li spjega kif l-allegati ħallelin kienu telqu minn fuq il-post b’Peugeot 107. 

Kompla jgħid li l-istess karozza kienet intużat f’serqa oħra, din id-darba f’ħanut f’San Ġwann. Qal li l-ħallelin kienu armati u allegatament serqu b’madwar €2,400 fi flus kontanti. Dak il-ħin fil-ħanut kien hemm impjegata u klijent. 

Il-Pulizija mbagħad irċeviet informazzjoni li kienet seħħet serqa minn residenza fil-Floriana, li sidha kien instab mejjet b’kawża naturali f’Ġunju li għadda. L-Ispettur Zammit qal li mill-investigazzjonijiet irriżulta li kien l-istess grupp ta’ persuni li kienu qed iwettqu s-serq.

“Ġiet identifikata l-vettura li jagħmel użu minnha wieħed mill-imputati. Barra minn hekk meta kienu qed jiġu segwiti, l-imputati dehru libsin ilbies simili għal dawk li dehru fuq is-CCTVs. Wara nħarġu l-mandati t’arrest fil-konfront tagħhom u ġew arrestati,” tenna l-Ispettur Zammit.

F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant it-tliet imputati baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispetturi Stephen Gulia u Jean Paul Attard.

L-Avukati tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace u Victor Bugeja dehru għal Ronald Urry u Silvio Pace rispettivament. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal George Galea. 

Sport