Thursday, April 18, 2024

Tlieta jeħlu seba’ snin ħabs kull wieħed fuq serqa; Daħlu fuq mara, rabtuha u ħallewha hemm wara li telqu

Aqra wkoll

Tlitt irġiel ġew ikkundannati seba’ snin ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li wettqu serqa bil-vjolenza fuq mara li kienet għall-affari tagħha f’darha waqt li ieħor ma nstabx ħati u kien illiberat.

Patrick Mangion ta’ 47 sena, Mark Anthony Cardona ta’ 43 sena, Ryan Briffa ta’ 30 sena u Michael Mifsud ta’ 55 sena kienu mixlijin li fil-11 ta’ Jannar 2019 ikkommettew serqa b’dannu għall-familja Sammut, li żammew lil Anna Sammut kontra l-volontà tagħha u ikkaġunawlha ġrieħi ħfief.

Il-vittma xehdet kif semgħet taħbita mal-bieb u meta marret tiftaħ u kienet qed tkellem lil dak li ħasbet li kien pustier ġie ieħor li mbuttaha ġewwa.

Wieħed mit-tliet ħallelin heddidha li jħanxrulha għonqha waqt li ieħor qalilha li riedu l-flus għad-droga.

Huma rabtuha b’dak li għamilha tal-pustier, li għarfet li kien Mangion, poġġilha sikkina m’għonqha.

Waqt is-serqa hija semgħethom jirreferu għal wieħed bħala “iż-Żebbuġi” u l-ieħor “iż-Żabbari”.

Il-ħallelin ħarbu minn fuq il-post wara madwar nofs siegħa fejn ħallewha marbuta b”duct tape’ ma’ ħalqha.

Il-provi mressqa mill-Pulizija ikkonvinċew lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech mill-ħtija ta’ Mangion, Cardona u Briffa imma mhux ta’ Mifsud.

Dwar Mangion irrimarkat li minbarra li l-vittma għarfitu fuq il-post instabet beritta li fuqha nstabu traċċi tad-DNA tiegħu waqt li liż-żewġ akkużati oħra sabithom ħatja mill-ħwejjeġ li kienu lebsin u li ġew elevati minn djarhom.

Hija innutat ukoll li l-vittma sofriet minn trawma kaġun tas-serqa madankollu irrimarkat ukoll li ma nġibitx prova tal-valur tal-ġojellerija li nsterqet.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, l-imsemmija maġistrat irrimarkat li din kienet serqa mwettqa bi vjolenza fejn il-vittma mhux biss inserqulha oġġetti ta’ valur imma anke s-serenità u s-saħħa.

Hija qieset il-fatt li l-fedina penali ta’ Mangion hija waħda “voluminuża” u li għalkemm intbagħat il-Ħabs baqa’ ma tgħallimx.

“Żmien l-opportunitajiet issa għadda u wasal iż-żmien li Mangion iwieġeb għal dan l-att kodard, att t’aggressjoni mwettaq kiesaħ u biered fuq l-innoċenti”.

Hija żiedet li s-serqa turi attitudni ta’ bniedem li mingħalih jista’ jagħmel li jrid b’impunità u li ma iddejjaq xejn iwerwer mara biex jisraqha.

Fuq Cardona irrimarkat li dan mhux xi ‘first-time offender’ u mhux l-ewwel darba li rifes l-għatba tal-Qorti.

Il-Maġistrat Frendo Dimech sostniet li anke hu ma ħax l-opportunitajiet li ngħata biex jirriforma u sostniet li ma tistax tifhem kif ġuvni li minn fuq ir-ritratti fuq it-telefon ċellulari jidher kuntent imdawwar mill-familja u annimali seta jwettaq att kodard u krudili.

Fir-rigward ta’ Briffa hija qalet li l-fedina penali tiegħu “tagħti stampa disturbanti tal-passat kriminuż tiegħu fejn lanqas mill-inkarċerazzjoni ma tgħallem”.

Hija irrimarkat li huwa għandu “numru ma jispiċċa qatt ta’ reati fejn il-menefregiżmu għall-awtorità u għal-liġijiet hu wieħed lampanti”.

Il-Maġistrat Frendo Dimech żiedet li huma ma wrew ebda rimors għal dak li għamlu jew ippruvaw jikkumpensawha.

Waqt li irrimarkat li “kull membru tas-soċjetà huwa Anna Sammut potenzjali”, l-imsemmija maġistrat ikkundannat lit-tlitt irġiel talli “stupraw is-sigurtà ta’ darha” u ħallewha mal-art.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Maġistrat Frendo Dimech ikkundannat lit-tlieta li huma għal seba’ snin u magħhom żiedet sitt xhur għal Mangion fuq każ preċedenti.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Roderick Agius.

Ekonomija

Sport