Tuesday, December 24, 2024

“Tlift il-memorji kollha, tlift il-ferħ tal-familja u l-pjan tal-futur safa mħarbat”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ftit tal-ħin ilu quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet l-kumpilazzjoni tax-xhieda b’rabta mal-qtil involontarju ta’ Miriam Pace. Miriam Pace nstabet bla ħajja qalb it-tiġrif ta’ darha stess fit-2 ta’ Marzu li għadda. Kien wara nofsinhar meta l-Pulizija daħlilhom rapport li kienet ċediet residenza fi triq li fiha kienet għaddejja ħidma ta’ kostruzzjoni fil-Ħamrun. Fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bdew immedjatament b’ħidma bit-tama li l-mara li kienet maħsuba li ntradmet kawża tal-inċident tinstab ħajja. Intant il-ħidma delikata ħadet numru ta’ sigħat u wara li kelb tal-Pulizija identifika l-post fejn kienet il-mara, sfortunatament din instabet bla ħajja mirduma fir-radam.

Il-Ħamis li għadda bdiet tinstema’ x-xhieda tal-Ispettur li mexxa l-investigazzjonjiet b’rabta ma’ dan il-każ u l-persuni li kien avviċina f’dawn l-istess investigazzjonijiet fosthom żewġ ħaddiema li l-verżjonijiet tagħhom ma kinux jaqblu. Instema’ wkoll kif wieħed mill-ħaddiema allega li hu kien ġie mhedded biex ma jgħidx il-verità u li lest jagħti l-verżjoni tiegħu jekk jirċievi protezzjoni.

11:15 a.m: Xehed Carmel Pace (mhux ir-raġel ta’ Miriam Pace) sid ta’ garaxx fiż-żona li sema’ bħal splużjoni u ra l-ġebel fuq il-karozzi. Huwa kellu sitt karozzi hemm, ħamsa minnhom tiegħu.

Il-Maġistrat iddikjara li hemm biżżejjed provi biex l-akkużati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.

Il-kawża tkompli fit-2 ta’ Lulju.

10:45 a.m: Imiss tixhed Rosette Zerafa li kellha maisonette imiss ma’ ta’ Pace. Qalet li fi Frar beda x-xogħol u bdew jitqaċċtu s-siġar u titneħħa l-ħamrija. Qalet li qabel dakinhar tal-inċident kienu seħħew żewġ theżżiżiet oħra kbar. Miriam kienet ħarġet imwerwra u Zerafa għammettiet li hi wkoll kienet imbeżża’.

Tkellmet dwar kif Mallia, wieħed mill-iżviluppaturi kien mar fil-post għax waqt xogħol ta’ tħaffir kien hemm toqba f’wieħed mill-postijiet. Tkellmet dwar xi intoppi li kien hemm waqt ix-xogħol li ssemmew fix-xhieda ta’ qabel u li hi wkoll talbithom josservaw il-liġi taż-żewġ piedi. Minkejja dan l-iżviluppaturi u l-perit qalulhom li m’hemmx bżonn.

Tkellmet ukoll dwar dakinhar tal-inċident. Hija kienet ix-xogħol u rritornat lura fis-1:30 p.m. Kienet qiegħda tkellem lit-tifla għax qiegħda tistudja barra meta semgħet il-ħsejjes u qalitilha biex tistenna ftit għax ma setgħetx tifhem x’kien qed jiġri. Ħarġet tiġri barra u “ħlief trab ma kontx tara”. Zerafa kompliet tgħid li qalbha ħabbritilha li Miriam kienet ġewwa u bdiet tipprova ċċemplilha, iżda baqgħet bla tweġiba. Bdiet tisma’ xi persuni jressqu l-inġenji u ġibdet xi ritratti tas-sit u tal-gaffa.

 Hija kompliet tgħid li dakinhar bagħtuhom f’appartament u jumejn wara tawhom ċans jidħlu ftit. It-tifla kienet barra iżda spiċċat droppjat il-kors u ġiet lura. Meta daħlet l-ewwel ma qabdet kien album tat-tifla li kien ilha 10 snin nieqsa. “Nitla ftit u ma ndumx għax beżagħna u l-fatt li sofrejt tkexkix nibża’ mmur ngħix hemm,” kompliet Zerafa filwaqt li qalet li bħalissa qed jgħixu f’appartament fil-Gżira.

Minħabba dak li seħħ hija qiegħda wkoll tieħu terapija psikoloġika f’Richmond Foundation.

10:15 a.m: Jibda jixhed John Sammut, sid ta’ residenza fil-Ħamrun. Huwa qal li kien ilu jgħix hemm għal 30 sena u li jħossu fortunat għax meta seħħ l-inċident hu kien rieqed minħabba li kien xogħol ta’ bil-lejl. Kompla biex jgħid li fis-2:30 p.m ħass theżżiż kbir qam maħsud u ra daħna kbira. Ta’ faċċata tiegħu qallu biex joħroġ għax kien qed iċedi l-bini u ħareġ barra. Huwa kien jgħix mal-mara, it-tifel u l-għarusa tiegħu. Mill-inċident ‘l hawn issa qed jgħix San Ġwann. Xi ġimgħat qabel kien fuq il-bejt u sema’ theżżiż, dakinhar anke Miriam ħarġet Maħsuda. Huwa kellu garaxx mad-dar li kien fih tliet karozzi u kawża ta’ dak li seħħ spiċċa bil-konsenturi fid-dar. Kellu garaxx mad dar.

9:45 a.m: Fit-18 ta’ Frar li għadda inġibed ħajt mill-ġnien u laqat ħajt diviżorju mill-garaxx ta’ wara. Pace spjega li kien qisu seħħ terremot. Tkellem ukoll dwar il-biża’ li kellha martu u li kienet qaltlu “bdejna jekk Alla jrid”. Kompla jispjega li kien sar xi ftehim mal-ġirien, mal-perit u mal-iżviluppatur u li ltaqgħu biex jitkellmu dwar dan fl-24 ta’ Frar fl-istess garaxx afftettwat. Preżenti kien hemm ukoll il-Perit Camilleri u l-kuntrattur Ludwig Dimech. 

Bħala residenti insistew li tiġi osservata l-liġi taż-żewġ piedi u dawn tal-aħħar qalulhom li dik kienet liġi antika. Rigward l-użu tas-sega li l-ġirien talbu li tintuża biex ma jkunx hemm damdim, kemm il-perit kif ukoll l-kuntrattur qalu li ma jistgħux jużawha kullimkien għax tiswa’ ħafna.

Pace kompla biex jgħid li hu kien qabbad il-perit Robert Zerafa biex fil-bidu ta’ Frar; qabel beda l-proġett, biex jagħmel rapport tal-post. Tkellem dwar it-18 ta’ Frar u li meta rritorna d-dar beda jisma’ damdim kbir u anke ż-żebgħa tal-faċċata kienet waqgħet. Mar jiċċekkja mal-ħitan li jmissu mal-appoġġ għall-konsenturi u ma sab xejn. Tela’ fuq u ra ħaddiem jagħti bil-mazza bis-saħħa u sejjaħlu biex iwaqqaf ix-xogħol u hekk ġara. 

Miriam Pace kellha ansjetà kbira u saħansitra kienet riferuta biex tara psikologu tant kemm kienet imbeżża’ Ftakar f’messaġġ partikolari li bagħtitlu meta beda x-xogħol li kien jgħid “bdejna jekk Alla jrid”.

Dwar dakinhar li seħħ l-inċident Pace qal li hu kien ittardja x-xogħol u li ċempel lil martu f’xi 2:10 p.m. Wara ħames minuti kollega tiegħu qallu li kien seħħ inċident fi Triq il-Kanun. Qal li qalbu għamlet tikk kif ċempel kemm fuq il-landline kif ukoll fuq il-mowbajl. Tkellem malajr mal-manager u telaq ftit wara,, iżda kif wasal id-dar sab id-dar imwaqqa’.

Fil-post kien hemm wieħed mill-iżviluppaturi Malcolm Mallia u staqsieh kif kien se jġib lil martu minn taħt borġ ġebel. Pace kompla jolfoq u ammetta li kif ra dik ix-xena quddiemu kien jaf li kien hemm bżonn miraklu biex martu toħroġ ħajja. “Tlift il-memorji kollha, tlift il-ferħ tal-familja u l-pjan tal-futur safa mħarbat”, kompla Pace. 

Rigward affarijiet li rkupraw Pace qal li kien hemm żewġ vetrini bil-kotba u li tilef żewġ affarijiet tant għal qalbu, iċ-ċrieket tat-tieġ u ieħor li tah missieru qabel miet.

Carmel Pace itemm ix-xhieda tiegħu hawn.

9:25 a.m: Carmel Pace beda jispjega li l-proprjetà fil-Ħamrun ilha għandhom mill-1985. Meta mistoqsi dwar meta żżewġu huwa deher jolfoq u wara ftit wieġeb li fl-1988. Hu u Miriam kellhom żewġt itfal ta’ 25 sena u 29 sena. It-tifla iżżewġet sentejn ilu Pace kien jgħix mal-mara u t-tifel.

Dwar l-iżvilupp huwa qal li saru jafu bih meta twaħħal avviż ma’ ġnien enormi li kien sit mimli frott. Huwa kompla biex jgħid li kienu ilhom jtellgħu u jniżżlu jekk jiċċaqilqux minn hemm għax id-dar kienet ġiet kbira għalihom u xtaqu jmorru aktar viċin it-tifla li marret toqgħod iż-Żurrieq.

Meta saru jafu bl-iżvilupp huma ppruvaw ibigħu d-dar iżda ma rnexxilhomx.

9:00 a.m: Jidħol il-Maġistrat Joe Mifsud u jidher li se jkun ir-raġel tal-vittma li jagħti x-xhieda tiegħu l-ewwel fis-seduta tal-lum.

Aqra wkoll:

https://www.inewsmalta.com/2020/05/tghid-xejn-ghax-problemi-jkollok-haddiem-mhedded-biex-jaghlaq-halqu-dwar-il-kaz-ta-miriam-pace/

Ekonomija

Sport