Saturday, May 4, 2024

Ħames persuni arrestati b’rabta ma’ allegat traffikar u pussess ta’ droga

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wettqu tliet operazzjonijiet b’rabta ma’ investigazzjonijiet dwar traffikar ta’ droga, fejn ġew arrestati ħamest irġiel.

Fl-ewwel ħidma, f’Ħal Tarxien, raġel ta’ 43 sena kien arrestat wara li l-Pulizija osservatu jgħaddi b’mod suspettuż sustanzi lil persuni oħra. Il-Pulizija arrestat lir-raġel u minn tfittxija li saret fil-vettura li kien qiegħed isuq u minn tfittxija li saret fuqu, huwa nstab fil-pussess ta’ diversi pakketti li fihom kien hemm sustanza suspettata droga kokaina u eroina. Ir-raġel tressaq il-Qorti aktar kmieni dalgħodu quddiem il-Maġistrat Dr Donatella Frendo Dimech, akkużat bi traffikar u pussess ta’ droga kif ukoll li huwa reċediv. Huwa ammetta l-akkużi u ġie kkundannat 18-il xahar ħabs u mmultat €500.

Il-ħidma kompliet f’Bormla. Il-Pulizija kellha informazzjoni dwar movimenti suspettużi ta’ vettura li fiha kien hemm żewġ persuni. Il-vettura twaqqfet mill-Pulizija u kienu arrestati raġel ta’ 23 sena u ieħor ta’ 33 sena. Minn tfittxija li saret, huma nstabu fil-pussess ta’ sustanzi suspettati cannabis u kokaina.

Minn aktar investigazzjonijiet, il-Pulizija kompliet issegwi vettura oħra, din id-darba filKalkara. Wara li waqfuha, saret tfittxija fiha u fuq iz-żewġt irġiel li kienu fiha – raġel ta’ 30 sena u ieħor ta’ 37 sena – u nstabu fil-pussess ta’ sustanzi suspettati cannabis u kokaina.

L-investigazzjonijiet fil-konfront ta’ dawn l-erba’ persuni għadhom għaddejjin.

Sport