Thursday, September 26, 2024

Tlitt irġiel arrestati b’rabta ma’ sparatura fin-Naxxar

Aqra wkoll

Il-Pulizija arrestat tlitt irġiel wara li matul il-lejl illi għadda allegatament sparaw xi tiri fiddirezzjoni ta’ xulxin.

Kienu għall-ħabta tal-10:30 p.m, x’ħin intalbet l-assistenza fi Triq Santa Klara, in-Naxxar. Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn hemmhekk innutaw xatba ta’ residenza mkissra u xi persuni fuq in-naħa ta’ ġewwa.

Minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel ta’ 41 sena residenti Ħal Qormi, allegatament, saq u kisser ix-xatba b’vettura, niżel minnha u allegatament spara xi tiri lejn ir-residenza. Wara huwa ħarab minn fuq il-post bil-vettura.

Dak il-ħin fir-residenza kien hemm żewġt irġiel u tliet nisa, li ħadd minnhom ma weġġa’. Immedjatament bdiet tfittxija għall-vettura, Mercedes, u għall-persuna involuta.

Għal xi 2:30 a.m, ir-raġel li kien imfittex ta’ lilu nnifsu lill-Pulizija wara li mar fl-Għassa ta’ Ħal Qormi u ġie arrestat. Fl-għassa huwa allega li kienu ġew sparati xi tiri fiddirezzjoni tiegħu miż-żewġt irġiel li kienu fir-residenza msemmija, iżda huwa ma weġġax.

Minn iżjed investigazzjonijiet, aktar tard mal-lejl, instabet il-vettura tar-raġel ta’ 41 sena pparkjata fi Triq il-Kosta fejn kellha diversi ħsarat, kif ukoll marki kompattibbli ma’ tiri b’arma tan-nar.

Saret tfittxija fil-vettura iżda ma nstabet l-ebda arma tan-nar. Għaldaqstant, il-Pulizija marret lura fir-residenza fin-Naxxar u wara tfittxija ġie elevat senter
u ġew arrestati ż-żewġt irġiel, li għandhom 64 u 35 sena.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport