Sunday, December 22, 2024

TLUQ

Aqra wkoll

Andrew Sapiano, Mario Azzopardi, Karmen Azzopardi… il-lista titwal ta’ nies li qed jitilqu minn fost dawk li tul biċċa kbira mill-ħajja tan-nies tal-ġenerazzjoni tiegħi kienu jifformaw il-pedament tal-kultura u tal-arti lokali.

Ħaġa minn ewl id-dinja li bil-mogħdija taż-żmien, il-protagonisti ta’ epoka jċedu posthom għal ta’ warajhom u ta’ wara ta’ warajhom. Jibqgħu biss it-tifkiriet ta’ x’wettqu u xi pproġettaw li jwettqu. Għal kull ġenerazzjoni, jidhru artisti u attivisti oħra li jimmarkaw ix-xejriet ta’ ħsieb u ħolqien ta’ dik il-ġenerazzjoni. Anke meta jidhru li qed jirriġettaw x’ġie qabilhom, ikunu fil-fatt qed jibnu fuqu.

Ta’ warajhom se jagħmlu l-istess dwarhom. Bħal kull ħidma tal-bniedem, l-arti u l-espressjoni artistika jiġru fi proċess li jispiċċa jġib flimkien il-kontestazzjoni tal-imgħoddi, il-ħolqien tal-ġdid u fl-aħħar ir-rikonċiljazzjoni ta’ bejn it-tnejn.

Hi waħda mir-riflessjonijiet li t-tluq tal-artisti tal-“imgħoddi” ttella’ fil-wiċċ.

KANDIDATI

Attendejt laqgħat tal-aħħar li għamlu xi kandidati għall-elezzjoni. Kienu organizzati bi ħsieb u ffokati. Ovvjament, l-iskala tagħhom varjat skont jekk il-kandidat jew kandidata humiex diġà politikament imlaħħqa jew jekk kinux fil-bidu tal-karriera tagħhom. Fil-biċċa l-kbira, il-laqgħat iċċentraw madwar preżentazzjoni tal-kandidat/a u dak li ssejjaħ “endorsements” minn mistednin varji.

Rajt bidla minn kif kienu jsiru laqgħat hekk qabel. L-attivitajiet tal-kandidati kienu l-aktar jippernjaw fuq hekk imsejħa “coffee mornings”, li kienu l-aktar jikkonsistu f’tombli u ikel ta’ pastizzi; u hekk imsejħa “dinner dances”, fejn qatt ma kont żgur meta jispiċċa d-“dinner” u meta jibda d-“dance”. In-nies tiġi biex tieħu gost “b’xejn”. Matul l-attività, l-kandidat/a j/tagħmel diskors. Dawk preżenti ftit kienu jagħtu kasu, anke jekk iċapċpulu ħafna.

M’inix żgur jekk il-bidla fil-mod kif jiġu organizzati laqgħat hekk seħħitx minħabba l-pandemija tal-Covid-19 jew għal raġunijiet oħra.

KEMM TĦASSRET ID-DINJA

Kont nisimgħu meta kont żgħir: għadek tisimgħu sal-lum: il-lament dwar kemm tħassret id-dinja minn fl-imgħoddi meta ah! l-affarijiet kienu wisq isbaħ, aktar sempliċi, aktar innoċenti, aktar onesti eċċ eċċ.

L-aktar li kienu u għadhom iwasslu dal-messaġġ huma nies tar-reliġjon, imma mhux biss. Donnu hemm xi ħaġa fina u fostna li trid iżżomm qawwi l-mit tad-dnub oriġinali li jibqa’ jintiret matul is-sekli.

Mentri xi ħaġa tgħidli li llum mhux agħar mill-bieraħ u lanqas ilbieraħ ma kien agħar mill-bieraħt lura. Sempliċement il-mod kif nuru t-tajjeb u l-ħażin tagħna  baqa’ jinbidel, isir aktar imgħaġġel għax hekk tippermetti t-teknoloġija, jew aktar moħbi u velenuż għax hekk jippermettu d-drawwiet miruta.

Ftit hemm differenzi bejn it-tajjeb u l-ħażin ta’ kull żmien, ħlief forsi l-mod kif jitwettaq.

Ekonomija

Sport