Friday, April 19, 2024

TM b’miżuri biex ittejjeb is-sigurtà fit-toroq f’Ħ’Attard

Fid-dawl ta’ inċident riċenti li seħħ fiż-żona, TM tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha biex ittejjeb is-sigurtà fit-toroq u tħabbar l-implimentazzjoni ta’ miżuri komprensivi

Aqra wkoll

Transport Malta, qed tieħu azzjonijiet biex tindirizza t-tħassib u tnaqqas l-inċidenti fit-toroq f’Ħ’Attard, speċifikament fi Triq Tumas Chetcuti. Fid-dawl ta’ inċident riċenti li seħħ fiż-żona, TM tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha biex ittejjeb is-sigurtà fit-toroq u tħabbar l-implimentazzjoni ta’ miżuri komprensivi biex jittaffew ir-riskji u tissaħħaħ is-sigurtà ġenerali tan-netwerk tat-toroq.

Kull sena, TM tirċievi bosta ilmenti dwar veloċità eċċessiva fit-toroq, partikolarment matul il-lejl u filgħodu kmieni fi tmiem il-ġimgħa. Bħala parti mill-isforzi kontinwi tagħha biex tindirizza din il-kwistjoni, TM żviluppat metodoloġiji ta’ valutazzjoni kemm għal toroq eżistenti kif ukoll ġodda fuq in-netwerk TEN-T.

Għal toroq eżistenti li ilhom joperaw għal aktar minn tliet snin, Transport Malta ssegwi proċedura standardizzata għal tpoġġija ta’ speed cameras fissi. Din il-proċedura, ibbażata fuq ilgwida DfT tar-Renju Unit, tqis fatturi bħall-veloċità mkejla tat-traffiku meta mqabbla mal-limitu tal-veloċità stazzjonat, l-istorja ta’ ħabtiet li jirriżultaw f’mewt jew korriment serju matul l-aħħar tliet snin, u d-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet oħra.

Din is-sistema ta’ valutazzjoni retroattiva, deskritta fl-iSpeed Management Policy ta’ TM, tiżgura approċċ sistematiku biex jiġu identifikati oqsma fejn huma meħtieġa miżuri ta’ kontroll tal-veloċità. Fil-każ ta’ toroq ġodda fuq in-netwerk TEN-T, bħall-proġett Central Link, Transport Malta taderixxi ma’ approċċ metodoloġiku distint.

Il-proġett tas-Central Link huwa twil 4km u tlesta u nfetaħ kompletament għat-traffiku f’Jannar 2022. Fil-preżent għaddej mill-istadju finali tal-proċess tal-Verifika tas-Sigurtà fit-Toroq. Biex twettaq din il-verifika, Infrastructure Malta kkummissjonat tim ta’ Verifika tas-Sigurtà fit-Toroq ibbażat fir-Renju Unit b’esperjenza kbira. F’Marzu li għadda, it-tim tal-awditjar żar Malta u wettaq spezzjoni estensiva tas-sit tas-Central Link.

Abbażi tal-osservazzjonijiet tas-sit u d-dejta tal-veloċità pprovduta minn Transport Malta, it-tim tal-RSA se jirrakkomanda miżuri ta’ rimedju u interventi xierqa biex jindirizza b’mod ħolistiku t-tħassib dwar is-sigurtà. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu soluzzjonijiet ta’ inġinerija, traffic calming techniques, jew rakkomandazzjonijiet għal miżuri ta’ kontroll tal-veloċità, li tista’ tinkludi l-introduzzjoni ta’ kameras tal-veloċità medji, suġġett li dwaru saru diskussjonijiet tekniċi u legali ma’ speċjalisti fil-qasam matul ix-xhur li għaddew. Dan kollu jindika li Transport Malta segwiet approċċ xjentifiku fejn jidħlu miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà f’din it-triq. Mingħajr dan l-għarfien, wieħed jirriskja li jibbaża ddeċiżjonijiet fuq informazzjoni mhux kompleta u li ma tħarisx b’mod ħolistiku lejn il-fatturi kollha. Transport Malta tibqa’ ddedikata bis-sħiħ biex tiżgura s-sigurtà tal-utenti kollha tat-triq u se tkompli tikkollabora mal-partijiet interessati rilevanti biex timplimenta miżuri effettivi ta’ sigurtà fit-toroq.

Billi tisfrutta valutazzjonijiet immexxija mid-data, interventi proattivi, u rakkomandazzjonijiet ta’ esperti, Transport Malta għandha l-għan li toħloq ambjenti tat-toroq aktar sikuri f’Ħ’Attard u madwar il-pajjiż. L-informazzjoni dwar il-kontravvenzjoni tal-veloċità pprovduta mill-LESA turi biċ-ċar li, irrispettivament mill-preżenza tal-kameras tal-veloċità, persentaġġ żgħir ta’ sewwieqa jippersistu li jsuqu b’veloċitajiet għoljin; bl-ogħla veloċitajiet jiġu rreġistrati li huma tipikament aktar mid-doppju tal-limitu tal-veloċità fit-triq fejn tinsab il-kamera tal-veloċità.

Transport Malta tfakkar ukoll li speed cameras mhumiex garanzija kontra fatalitajiet fit-toroq tagħna u tenfasizza l-importanza li ilkoll kemm aħna nuru responsabbiltà lejn xulxin waqt li nosservaw il-liġijiet. Tajjeb li wieħed jirrimarka ukoll li aktar kmieni dalgħodu, l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Jonathan Borg kellu laqgħa mas-Sindku ta’ Ħ’Attard Stefan Cordina, fejn tkellmu rigward it-traffiku li jgħaddi mil-lokalità u t-talba tal-Kunsill għal aktar speed cameras u infurzar fit-toroq f’Ħ’Attard. Il-Kap Eżekuttiv irrimarka li filwaqt li jifhem u jaqbel mal-ħtieġa ta’ aktar koordinament bejn l-Awtorità u l-Kunsill Lokali f’dan il-qasam, Transport Malta hija biss waħda mill-Awtoritajiet involuti fl-installazzjoni ta’ dawn il-kameras.

Sport