Tuesday, March 26, 2024

Jinqatlu tliet persuni u oħrajn jindarbu f’attakk fil-Ġappun

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tlett persuni, fosthom żewġ uffiċjali tal-Pulizja tilfu ħajjithom, f’attakk mhux tas-soltu bis-sikkina u b’arma fiċ-ċentru tal-Ġappun.

F’kumment li ta lil midja internazzjonali, uffiċjal tal-Pulizija minn Nakano qal li l-Ħamis waranofsinhar il-Pulizija ssejħet sabiex tassisti. Dan wara li rċivew rapport li kien hemm raġel li ta daqqiet ta’ sikkina lil mara.

Ingħad li meta marru fuq il-post, ir-raġel beda jispara b’arma, li hija simili għal dik li tintuża fl-istaġun tal-kaċċa. Bl-istess arma, huwa laqat erba’ persuni u ħarab minn fuq il-post.

L-uffiċjal żied jgħid li l-mara ttieħdet l-Isptar u li ftit wara ġew infurmati li din tilfet ħajjitha. Il-Midja internazzjonali Ġappuniża, NHK irrapurtat li minbarra ż-żewġ uffiċjali li sfaw maqtula, kien hemm ukoll persuna oħra li weġġgħet f’dan l-attakk. L-istess midja internazzjonali qalet li l-allegat suspettat kien liebes kappell ta’ taħt fuq, kellu nuċċali tax-xemx u kien liebes maskra.

Fi stqarrija li ppublikat fuq il-midja soċjali il-belt ta’ Nakono fil-Ġappun ħeġġet liċ-ċittadini sabiex kemm jista’ jkun jibqgħu ġewwa.

Il-vjolenza bl-armi hija rari ħafna fil-Ġappun. Tant hu hekk, li dan il-pajjiż għandu waħda mill-inqas rati ta’ reati bl-armi fid-dinja. Dan minħabba li l-liġijiet huma estremament stretti tal-pajjiż dwar il-kontroll tal-armi.

Fl-2018, il-Ġappun irraporta biss disa’ każi ta’ imwiet li mietu waqt attakk bl-armi. Għall-kuntrarju, l-Istati Uniti fl-istess sena kellha iktar minn 38,000 rapporti ta’ attakki fatali.

Madankollu, is-sena l-oħra l-Ġappun seħħ attakk fatali li ssemma’ madwar id-dinja kollha. Dan hekk kif inqatel l- Prim Ministru tal-pajjiż Shinzo Abe waqt li kien qiegħed jagħmel id-diskors tal-kampanja tiegħu f’Nara lura għal Lulju li għadda.

Ekonomija

Sport