Torċa: Kif marret Malta tul din is-sena tmexxi l-OSKE?
Evarist Bartolo: Malta ntagħżlet biex tmexxi l-OSKE din is-sena sewwasew għax hi newtrali. Il-57 pajjiż qablu li Malta tiġi fdata bit-tmexxija għax ma setgħu jaqblu fuq l-ebda pajjiż ieħor minħabba l-gwerra li għaddejja fl-Ukrajina bejn ir-Russja u l-Ukrajina appoġġjata mill-Istati Uniti, in-NATO u l-Unjoni Ewropea. Din hi traġedja li setgħet ġiet evitata kieku l-Istati Uniti żammet il-kelma tagħha li ma tiħux vantaġġ mill-kollass tal-Unjoni Sovetika, ix-xoljiment tal-Patt ta’ Varsavja u li ma tressaqx “imqar b’pulzier” lin-NATO sal-fruntieri u b’hekk heddet is-sigurtà tar-Russja. Il-President Bush kien wiegħed lill-President Gorbachev meta ltaqgħu Malta f’Diċembru 1989 li n_NATO mhux se tersaq lejn il-fruntieri mar-Russja.
Malta għamlet suċċess kbir tmexxi l-OSKE. Dawk li jidħlu għat-tmexxija s-soltu jkollhom sentejn biex jippreparaw. Malta għażlet li tidħol għal din ir-responsabbiltà mil-lum għall-għada. Mhux ta’ b’xejn li Thomas Greminger li kien serva bħala segretarju ġenerali tal-OSKE qal: “Malta jistħoqqilha prosit kbira, li mingħajr ma kellha wisq ħin tipprepara, għamlet biċċa xogħol kbira texxi l-vapur tal-OSKE.”
Qablet miegħu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Fillandja Elina Valtonen li se tmexxi lill-OSKR fis-sena 2025: “F’isem il-Fillandja irrid nikkumplimenta lil Malta għat-tmexxija eċċellenti tal-OSKE tul din is-sena.”
Torċa: X’kienu l-akbar sfidi għal- Malta?
Evarist Bartolo: Malta kellha biċċa xogħol kbira għax kellha tmexxi l-vapur tal-OSKE fi żmien ta’ maltemp kbir, bil-gwerra għaddejja fl-Ukrajina, b’kunflitti fil-Balkani u fil-Lvant Nofsani iwasslu għall-qtil ta’ miljuni, miljuni ta’ rifuġjati, tant qerda u tant firdiet u mibegħda.
F’dan il-maltemp kollu Malta rnexxielha twassal biex il-57 pajjiż kollha qablu li jimtlew l-ogħla erba ħatriet tas-segretarjat u istituzzjonijiet tal-OSKE.
Diversi pajjiżi nnominaw 13-il persuna biex jimtlew dawn l-erba’ ħatriet. Ma kien xejn faċli li jintlaħaq qbil fuq dawn l-erba. Imma Malta rnexxielha twasal għal dan il-qbil.
Mingħajr qbil, l-OSKE kienet tinġarr mal-kurrenti u maltemp li għaddej bħal vapur bla kaptan.
Kunfidenzjalment naf li anki min hu kritika ħafna ta’ kif tmexxiet l-OSKE f’dawn l-aħħar seba’ snin qal li Malta, bħall-Awstrija fl-2017 mexxiet l-OSKE “b’mod onest, ħabrieki, professjonali u imparzjali.”
Torċa: Għaliex hi importanti għaqda bħall-OSKE?
Evarist Bartolo: Is-sena d-dieħla l-OSKE tiċċelebra l-50 sena mindu twieldet fi żmien li l-Ewropa wkoll kienet mifruda ħafna bejn il-Punent immexxi mill-Istati Uniti u l-Lvant immexxi mill-Unjoni Sovjetika. Bħala l-unika għaqda fejn l-għedewwa jistgħu jiltaqgħu u jitkellmu, l-OSKE qatt ma tista’ tbaħħar fil-bnazzi.
Dmirha li sservi ta’ post għad-djalogu u n-negozjati. Li hemm bżonn isiru mal-għedewwa, mhux mal-ħbieb.
Torċa: X’nitgħallmu mill-esperjenza tat-tmexxija tal-OSKE?
Evarist Bartolo: Is-suċċess ta’ Malta fit-tmexxija tal-OSKE turi li din għandha tibqa’ tkun il-missjoni nobbli ta’ Malta newtrali: li titkellem għall-ġid u favur il-paċi ma’ pajjiżi miġġielda ma’ xulxin, li tmexxi għaqdiet internazzjonali u li tlaqqa’ fiha pajjiżi differenti li ma jaqblux bejniethom, u anki jkunu fi gwerra ma’ xulxin, imma li t-tmexxija newtrali tagħna u artna toffrilhom spazju newtrali biex ikunu jistgħu jiltaqgħu.
F’dinja mqallba u mimlija kunflitti, nistgħu nagħtu s-sehem tagħna biex noffru roqgħa fejn ta’ kontra xulxin jistgħu jiltaqgħu u jfittxu kif jistgħu jgħixu flimkien bħal meta ltaqgħu hawn il-mexxejja Wang Yi u Jake Sullivan miċ-Ċina u mill-Istati Uniti f’Settembru 2023. Għadna kburin li f’Diċembru 1989 kienu ltaqgħu Malta l-President Amerikan George Bush u l-President Sovjetiku Mikhail Gorbachev.
Bħala poplu Malti jaqblilna bin-newtralità mhux biss biex niddefendu ruħna: jekk ma nagħtu fastidju lil ħadd, ħadd ma jagħtina fastidju, imma għax bin-newtralità nistgħu nkunu ħbieb ta’ kulħadd, inbiegħu u nixtru minn għandhom, inkabbru l-investiment, it-turiżmu u naħdmu magħhom għall-ġid u l-paċi.
L-istorja tagħna ta’ sekli turina li konna niġu attakkati, mhux għax kien hemm min ried jagħmlilna l-ħsara, iżda għax f’pajjiżna kien ikollna bażijiet militari li minnhom kellna ħakkiema li kienu jattakkaw pajjiżi oħra. Meta tidħol f’alleanza l-inkwiet ta’ ħaddieħor isir tiegħek u jkollok tagħmel l-għedewwa.
Illum bl-iżviluppi teknoloġiċi li saru fit-trasport u fl-armamenti, pajjiżna m’għadx fadallu l-importanza strateġika militari ta’ qabel. Jistgħu jgħaddu mingħajrna fil-qasam militari.
M’għandniex inkunu aħna stess li nfittxu l-inkwiet u nħassru l-missjoni tagħna għall-paċi billi neqirdu n-newtralità tagħna billi nieħdu sehem fil-programmi militari tal-Unjoni Ewropea u tan-NATO.