Tmien persuni ġew arrestati wara rejd li sar mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u tal-RIU fi stabbiliment li jinsab fil-limiti tal-Bajja ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn. L-operazzjoni tal-Pulizija saret tard ilbieraħ waranofsinhar.
Waqt dan ir-rejd ġew arrestati seba’ rġiel residenti ż-Żejtun, Wied il-Għajn u r-Rabat, li l-età tagħhom tvarja vejn it-18 u t-22 sena, u tfajla ta’ 24 sena residenti Birżebbuġa.
Fil-pussess tagħhom il-Pulizija sabu sustanzi suspettati kannabis u kokaina, kif ukoll xi oġġetti relatati mal-użu tad-droga.
Aktar tard il-Pulizija għamlet tfittxija f’residenza u garazz ta’ wieħed mill-irġiel arrestati f’Wied il-Għajn fejn sabu iżjed sustanzi suspettati ħaxixa tal-kannabis, eroina u kokaina u kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.