Raġel ta’ 33 sena mill-Gambja ngħata sentenza ta’ tmien snin priġunerija wara li l-Qorti sabitu ħati ta’ attentat kontinwat ta’ stupru u sekwestru ta’ mara Ċiniża li kienet taħdem f’ħanut tal-massaġġi f’Birkirkara, filwaqt li nstab mhux ħati ta’ akkużi relatati ma’ ġrieħi gravi u pussess ta’ arma mingħajr liċenzja.
Raġel ta’ 33 sena mill-Gambja, Harona Conateh, ġie kkundannat tmien snin ħabs wara li l-Qorti tal-Maġistrati sabitu ħati ta’ attentat kontinwat ta’ stupru u ta’ sekwestru ta’ mara Ċiniża f’każ li jmur lura għall-2024.
Il-Qorti semgħet kif il-każ kien marbut ma’ rapport li għamlet il-vittma, terapista tal-massaġġi li kienet taħdem fi stabbiliment f’Birkirkara. Skont il-provi, il-mara qalet lill-pulizija li kienet rat fuq l-aħbarijiet li kien ġie arrestat raġel b’konnessjoni ma’ każ ieħor ta’ stupru, u sostniet li dak l-istess raġel kien attakkaha wkoll f’okkażjonijiet differenti u serqilha xi oġġetti.
Fix-xhieda tagħha, il-vittma spjegat li l-akkużat kien daħal fil-ħanut fejn kienet taħdem u talab is-servizz tagħha għal-messaġġi. Hija allegat li meta daħlu fil-kamra tal-massaġġi huwa talabha għal atti sesswali, u meta rrifjutat sar aggressiv u neżżagħlha ħwejjiġha bil-forza. Il-Qorti osservat li, skont il-verżjoni li aċċettat bħala kredibbli, f’żewġ okkażjonijiet separati l-imputat ipprova jwettaq stupru iżda ma rnexxielux minħabba r-reżistenza fiżika tal-vittma.
Il-mara xehdet ukoll li fit-tieni okkażjoni l-akkużat heddidha b’biċċa ħġieġa, filwaqt li fiż-żewġ każijiet ma ħallieha qatt titlaq mill-kamra jew mill-ħanut. Il-Qorti qalet li minn din ix-xhieda jirriżulta biċ-ċar li kien hemm ukoll il-komponent ta’ arrest, detenzjoni jew sekwestru tal-persuna.
Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti nnutat li l-prosekuzzjoni kienet tiddependi kważi kompletament fuq il-kredibbiltà tax-xhud peress li ma kienx hemm provi mediċi u lanqas filmati tas-CCTV, li skont il-vittma ma kinux qed jaħdmu. Minkejja dan, il-Qorti qalet li x-xhieda ta’ xhud wieħed tista’ tkun biżżejjed jekk titqies kredibbli u affidabbli.
Dwar l-identifikazzjoni tal-akkużat, il-Qorti qalet li l-vittma kienet għarfitu minn ritratti li rat fil-midja u wara reġgħet identifikatu fl-awla mingħajr ebda eżitazzjoni. Ġie nnutat ukoll li d-deskrizzjoni fiżika li tat tal-allegat aggressur kienet taqbel ma’ dik tal-imputat.
Il-Qorti qieset ukoll li kien hemm diskrepanzi bejn dak li l-vittma qalet lill-pulizija u dak li qalet fix-xhieda tagħha fil-Qorti, b’mod partikolari dwar jekk kienx hemm penetrazzjoni jew le u dwar id-dati tal-inċidenti. Madankollu, il-Qorti qalet li dawn setgħu kienu marbuta ma’ diffikultajiet ta’ komunikazzjoni u traduzzjoni waqt ir-rapport inizjali, peress li l-vittma ma titkellimx bl-Ingliż u kienet assistita minn persuna oħra li wkoll kellha limitazzjonijiet fil-lingwa.
Għalhekk, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-verżjoni mogħtija mill-vittma fil-proċeduri kienet waħda kredibbli u konsistenti, u sabet lill-imputat ħati tar-reat kontinwat ta’ attentat ta’ stupru kif ukoll ta’ sekwestru tal-persuna.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti astjeniet milli tieħu konjizzjoni tal-akkuża alternattiva ta’ att sesswali mingħajr kunsens, wara li sabet lill-imputat ħati ta’ attentat ta’ stupru. Hija sabitu wkoll mhux ħati tal-akkuża li kkawża ġrieħi gravi, peress li qalet li ma kienx hemm biżżejjed prova biex tistabbilixxi n-natura tal-ġrieħi allegati. Bl-istess mod, ma sabitux ħati tal-akkuża relatata ma’ pussess ta’ arma regolari mingħajr liċenzja, meta qieset li biċċa ħġieġa ma taqax taħt dik id-dispożizzjoni tal-liġi.
Fil-piena, il-Qorti qalet li qieset il-fatt li l-imputat kien ilu ġej u sejjer Malta għal raġunijiet ta’ xogħol mis-sena 2020 u li l-fedina penali tiegħu f’Malta kienet netta. Madankollu, enfasizzat ukoll il-gravità tar-reati u l-fatt li l-imputat ma wera ebda forma ta’ rimors.
Għaldaqstant, Harona Conateh ġie kkundannat għal tmien snin priġunerija, bit-tnaqqis taż-żmien li għamel arrest preventiv marbut ma’ dawn il-proċeduri. Il-Qorti ordnat ukoll li għal 20 sena wara l-iskadenza jew il-maħfra tal-piena, il-ħati jkun projbit milli jeżerċita attivitajiet professjonali li jinvolvu kuntatt dirett jew regolari mat-tfal.
Barra minn hekk, inħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma għal perjodu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tal-iskadenza jew il-maħfra tal-piena, bil-Qorti tordna li kopja tagħha tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija.

