Abdul Yousef Abib, Somalu ta’ 22 sena, intbagħat tmien snin ħabs wara li ammetta minflok għadda ġuri li stupra żewġ anzjani – raġel u mara – fil-Ħamrun. Il-każ seħħ nhar id-19 ta’ Lulju li għadda.
Mix-xhieda li tressqu fil-Qorti jirriżulta li l-akkużat kien niżżel il-qalziet ta’ wieħed mill-vittmi, ried ikollu x’jaqsam miegħu, ħadlu l-mobile, tah xi tliet daqqiet u anke pprova jdaħħal subgħajh fil-parti intima tiegħu.
Il-vittma l-oħra, anzjana, kienet irrakkontat kif l-akkużat kien tefagħha mal-art, neħħielha x-shorts u l-qalziet ta’ taħt u stupraha b’idejh. Dan wassal biex ikkawżalha abrażjoni fil-parti intima tagħha fejn baqa’ ħiereġ id-demm anka sigħat wara l-inċident.
Qabel ġiet biex jagħti s-sentenza, il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja nnotat li ma jirriżultax li kien hemm konoxxenza bejn l-aggressur u l-vittmi tiegħu, b’dawn tal-aħħar ikunu anzjani u għalhekk vulnerabbli.
Innotat ukoll li l-aggressjoni sesswali seħħet matul il-lejl u fi triq pubblika filwaqt li l-akkużat kien irreġistra ammissjoni li tista’ titqies bħala waħda li kienet ta’ natura bikrija.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-akkużat instab ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u kien ikkundannat għal piena ta’ tmien snin priġunerija. Huwa kien ordnat biex iħallas lill-vittma s-somma ta’ €115 f’danni talli seraq il-mobile ta’ wieħed mill-vittmi u sabiex iħallas ukoll €5,940 fi spejjeż tal-Qorti.
L-Imħallef Bugeja kien informat ukoll li parte civile minhom xtaqet lil din il-Qorti tgħaddi biex tordna d-deportazzjoni tal-ħati barra minn Malta. “Biss din il-Qorti ma għadx għandha s-setgħa li todna d-deportazzjoni ta’ persuna minn Malta.” Qabel l-2004 dawn il-Qrati kellhom is-setgħa li jordnaw persuni dikjarati immigranti projbiti jiġu deportati barra minn Malta skont il-liġi ta’ dak iż-żmien.
Bl-emendi introdotti fl-Att dwar l-Immigrazzjoni fl-2004, ordni ta’ deportazzjoni tista’ ssir mill-Ministru responsabbli għall-Immigrazzjoni filwaqt li ordnijiet ta’ tneħħija jew ordnijiet ta’ ritorn jistgħu jsiru mill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.
B’hekk mhux possibbli għal din il-Qorti li Abib jiġi mkeċċi, deportat jew ritornat lura lejn pajjiżu – minkejja li nstab ħati ta’ reati kriminali serji u suġġetti għall-piena ta’ priġunerija għal żmien ta’ mhux inqas minn sena u li skont il-liġi tirrendih, immigrant ipprojbit.
“Iżda tajjeb li kulħadd iżomm f’moħħu li kull min jgħix f’Malta, ġej minn fejn ġej, u irrispettivament minn ta’ liema nisel ikun, dment li jkun jirrispetta l-liġijiet ta’ dan il-pajjiż, għandu jkun hu l-ewwel li jingħata l-kenn u l-protezzjoni minn persuni li, bħall-ħati, jabbużaw mill-kenn u protezzjoni li jkun qed jingħata lilhom f’Malta,” temm jgħid l-Imħallef.