Saturday, November 23, 2024

Tmien snin ilu kellu attakk tal-qalb u problema fil-mudullun u b’miraklu baqa’ ħaj

Aqra wkoll

Miktub Minn Maria Azzopardi

“Jgħidu li titwieled darba. Imma, fl-istorja ta’ ħajti, jien twelidt darbtejn. L-ewwel darba nhar is-26 t’Awwissu 1972 filwaqt li t-tieni darba, nhar l-4 ta’ Mejju 2012.”

Hekk qal Fr Mario Attard OFMCap f’intervista ma’ inewsmalta. Il-ġurnata tal-4 ta’ Mejju hija waħda sinifikattiva għal Fr Mario għax jgħix it-tieni twelid tiegħu hekk kif tmien snin ilu f’din il-ġurnata kellu attakk tal-qalb.  Iżda, il-problema, kien aktar fil-fond. Kienet il-mudullun. Il-myeloproliferative disorder.

“Kif nista’ qatt ninsa’ it-tieni twelid? Raġel b’saħħtu, ta’ 39 sena, jiflaħ jeqleb kantuniera! U, għaddej kif kont, naħdem, lejl u nhar, direttament ma’ Ġesù, fil-marid. Fl-Isptar daqshiex ta’ Mater Dei. Imma anki jien kelli ngħaddi minnha. Mhux l-għaliex kelli l-attakk tal-qalb tafux. Dak kien biss il-krema tas-sitwazzjoni,” qal Fr Mario.

“Wara tmien snin inħossni f’saħħti.. bqajt naħdem mal-morda li tant inħobb”

Huwa rringrazzja lill-Mulej ta’ Patri Leonard Falzon OFM Cap li kien hu li ħadu l-isptar fil-ħin. “Għax, li kieku illum ilni kaput. Imma l-Mulej jaf x’inhu jagħmel! Qabbadni l-isptar ma’ tobba ta’ ħila kbira. B’Dr. Herbert Felice u t-team tiegħu irranġali lil qalbi u b’Dr. Alex Gatt, qed jieħu ħsieb il-mudullun tiegħi. Illum, wara tmien snin, inħossni f’saħħti u, bil-grazzja tal-Mulej, bqajt għaddej. Għax bqajt naħdem mal-morda li tant inħobb,” qal Fr Mario.

Kif forsi wieħed jaf, minn mindu bdiet l-imxija tal-Covid-19 f’Malta, Fr Mario qed jgħix lejl u nhar mal-pazjenti fl-Onkoloġija, f’Sir Anthon Mamo. Huwa qal li għalih din hija grazzja kbira għax qiegħed fil-post fejn huwa stess jiġi kkurat. “Nidħol fis-sala tal-imatoloġija u jaqbiżli d-dmugħ! Għax din hi s-sala tiegħi, ta’ pazjent. Il-pazjenti saru jħobbuni ħafna. Għax jien mhux sempliċiment dak li nkun nice magħhom. U li nqatta’ il-ħin u nitlob magħhom biss. Għax, dawn l-affarijiet, tajbin kemm huma tajbin, bihom xorta jibqa’ id-distakk. Għax, biex tifhimni trid iġġarrab bħali! Imma, u għall-grazzja tal-Mulej, dan jiena nista’ ngħidulhom lill-pazjenti. Jiena wieħed minnkom! Għax pazjent bħalkom! Naf x’jiġifieri! Għax niġi ikkurat fl-istess sala tagħkom! U allura mhux ovvja li l-pazjent se jieħu r-ruħ? Il-familjari tiegħu se jitfarrġu aktar? U l-istaff se jħarsu lejja mod ieħor? Għax x’jaf min ma ġarrabx?”

Fr Mario stqar li l-Mulej kien ilu jippreparah biex jaqsam ħajtu mal-pazjenti tal-onkoloġija. “Oħti Josephine mhux b’tumur mietet fl-2007? U mhux anki jien naf x’jiġifieri li mmur Sutton Surrey fir-Royal Marsdon tal-Ingilterra? Ma nafx x’jiġifieri tmur l-Isptar minn St Georges Drive? Li tistenna għal ma nafx kemm-il siegħa? L-esperjenza li tkun ma’ pazjent fl-Ingilterra jiena għextha fuq li għextha fl-2003, jiġifieri ftit xhur biss wara li qaddist.”

Barra minhekk, anki fl-istudju tiegħu, huwa qal li l-Mulej tah din il-grazzja li jistudja fl-Awstralja u jiġi lura b’Masters Degree fil-Hospital Chaplaincy mill-University of Sydney bi speċjalizzazzjoni proprju fl-onkoloġija. “Kemm qattajt sigħat, jiem, ġranet u xhur f’St. Vincent Hospital f’Darlinghurst mal-pazjenti tal-onkoloġija tal-8 North u l-8 South? Issa dan qed ngħidu mhux biex niftaħar! Għax x’għandi li l-Mulej ma tagħnix? U mhux lilu jien infaħħar ta’ dawn il-grazzji kollha li rċevejt mingħandu?”

Huwa żied jgħid, “Imma, dawn il-ħwejjeġ qed ngħidhom l-għaliex il-Mulej jitħaddet b’fatti konkreti. Ġarrabt jien personali, ġarrbu l-għeżież tiegħi u studjajt fl-onkoloġija. Għalija, il-kelma cancer hi kelma li ngħix fiha. Ġejt iffurmat biha. U biha nara l-ħajja ferm differenti milli kont naraha qabel. Mela, għalija, bħala Patri Mario Attard Kapuċċin, li nkun ma’ nies li jbatu bil-kanċer hi ħaġa naturali. Illum ngħid, xi grazzja kbira din!”

“Dan ix-xogħol hu parti mid-DNA tagħna bħala Kapuċċini”

Fr Mario qal li dan huwa speċjali wkoll bħalma hi grazzja kbira li huma bħala Patrijiet Kapuċċini Maltin qed iservu għal dawn is-snin kollha f’Sir Anthony Mamo, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija flimkien ma’ persuni li jbatu mill-kanċer. Huwa stqarr li dan ix-xogħol hu parti mid-DNA tagħhom bħala Kapuċċini u li jagħmilhom dak li huma. “Mela, dan ix-xogħol, għandu jkollu prijorità fuq kull xogħol ieħor. Biex tgħaxxaqha, il-qaddis Kapuċċin, San Leopoldu Mandic OFM Cap, ġie maħtur il-qaddis prottetur ta’ min hu marid bit-tumur. Dan il-fatt aktar qabbiżli d-dmugħ! Għax jien pazjent fl-Onkoloġija. Studjajt il-pastorali fl-onkoloġija u Patri Kapuċċin bħalu! Nista’ mela ma nkunux fil-post tiegħi hawnhekk? F’Sir Anthony Mamo, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija?,” qal Fr Mario.

Huwa qal li dawn kollha mhumiex kumbinazzjonijiet iżda huma riżultati ċari ta’ dixxerniment serju personali li mhux qed jagħmlu hu imma li qed jagħtih l-għarfien tiegħu l-Ispirtu s-Santu. “Iva! Għal dawn ir-raġunijiet kollha u daqshekk ċari, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija, Sir Anthony Mamo, huwa l-post fejn inħoss, fil-qalba ta’ qalbi, li jien f’posti fih! Tant kemm inħossni sewwa hawnhekk u li għalija sar il-post naturali tal-grazzja tal-Mulej, li bilfors ikolli nsejjaħ liċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo bħala t-tieni kunvent tiegħi. Dari.” 

“L-effett tant sabiħ ta’ dan it-tieni twelid tiegħi hu l-appartenenza li nħoss għall-pazjenti”

Fr Mario qal li dan kollu jagħmel sens għaliex nhar l-4 ta’ Mejju tal-2012 huwa twieled mill-ġdid. Kif jgħid Pablo Neruda, il-famuż poeta Ċilen u rebbieħ tal-premju Nobel għall-letteratura fl-1971: It-twelid qatt m’hu żgur daqs il-mewt. Fr Mario qal li din hi r-raġuni li għaliha li wieħed jitwieled mhux biżżejjed. Hu biex nerġgħu nitwieldu li aħna twelidna. 

“Twelidi, nhar is-26 t’Awwissu tal-1972 kien l-ewwel pass. Twelidt mill-ġdid nhar l-4 ta’ Mejju 2012 biex nibqa’ nitwieled mill-ġdid. U, l-effett tant sabiħ u qawwi ta’ dan it-tieni twelid tiegħi hu l-appartenenza li nħoss għall-pazjenti, għall-familjari u għall-istaff taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Magħhom inħoss li għandi nitlob, naħdem u ngħix. Għax jien, fil-verità, tassew wieħed minnhom,” temm jgħid Fr Mario.

Sport