Tmien personell mediċi se jgħaddu ġuri akkużati b’negliġenza fil-mewt tal-leġġendarju Arġentin Diego Maradona.
Imħallef ordna proċess ta’ omiċidju wara li bord mediku sab li l-kura ta’ Maradona kienet mimlija “nuqqasijiet u irregolaritajiet”.
Maradona miet f’Novembru 2020 b’attakk tal-qalb fi Buenos Aires, fl-età ta’ 60 sena.
Huwa kien qed jirkupra d-dar minn operazzjoni fuq embolu tad-demm fil-moħħ aktar kmieni dak ix-xahar.
Ftit jiem wara mewtu l-prosekuturi Arġentini nedew investigazzjoni dwar it-tobba u l-infermiera involuti fil-kura tiegħu.
Is-sena li għaddiet, bord ta’ 20 espert maħtur biex jeżamina l-mewt tiegħu sab li t-team mediku ta’ Maradona aġixxa b’mod “mhux xieraq, defiċjenti u imprudenti”.
L-investigazzjoni kkonkludiet ukoll li Maradona “kien ikollu ċans isalva” bi trattament adegwat f’faċilità medika xierqa, skond is-sentenza tal-qorti.
Fost dawk li qed jiffaċċjaw akkużi hemm in-newrokirurgu u t-tabib personali ta’ Maradona, Leopoldo Luque, psikjatra u psikologu, żewġ tobba, żewġ infermiera u l-kap tagħhom. Ilkoll ċaħdu r-responsabbiltà għall-mewt tiegħu.
It-tmienja kollha se jiġu pproċessati fuq definizzjoni legali ta’ omiċidju bbażata fuq negliġenza mwettqa bl-għarfien li jista’ jwassal għall-mewt ta’ persuna.
Ir-reat jista’ jkollu sentenza ta’ bejn tmien u 25 sena ħabs, skond il-kodiċi penali tal-Arġentina.
Data għall-proċess għad trid tiġi stabbilita.