Sunday, December 22, 2024

Tmut mara wara li l-attur Alec Baldwin spara pistola maħsuba bħala prop

Aqra wkoll

Mara tilfet ħajjitha filwaqt li raġel sofra ġrieħi serji meta l-attur popolari Alec Baldwin spara minn arma fittizja (prop gun) fuq sett ta’ film ġewwa New Mexico.

Il-pulizija ta’ dan l-istat Amerikan qalu li Baldwin uża din l-arma waqt il-ġbid tal-film Rust. Il-vittma Halyna Hutchins, ittieħdet l-isptar permezz ta’ ħelikopter iżda sfortunatament tilfet ħajjitha ftit wara. Hutchins, li kellha 42 sena, kienet qiegħda taħdem bħala direttur tal-fotografija. Il-vittma l-ieħor, li huwa d-direttur Joel Souza, qiegħed jirċievi l-kura fit-taqsima tal-eme­rġenza. Kelliemi għal Baldwin meta tkellem mal-aġenzija tal-aħbarijiet AP qal li l-inċident seħħ minħabba ħsara fil-prop gun li juża blanks, jiġifieri l-iskartoċċ ma jkunx fih balla. Il-pulizija għadhom qegħdin jinvestigaw dan il-każ u s’issa għadhom ma tressqu l-ebda akkużi. 

Il-kelliemi għal Baldwin qal li l-attur tkellem mal-investigaturi u għamel dan volontarjament.  Min-naħa tagħhom, l-investigaturi qalu li d-dettalji dwar dan il-każ għadhom mhux ċari u għalhekk għadu kmieni biex wieħed jgħid x’ġara eżatt. Inċidenti bħal dan huma rari ħafna iżda mhux li qatt ma ġraw. Ħafna drabi fil-films jintużaw armi reali iżda jkunu qed jużaw blanks. Dawn il-blanks jagħmlu l-istess leħħa u ħoss bħal skrataċ normali iżda ma tiġi sparata l-ebda projettila.  

Inċident simili għal dan kien seħħ fl-1993 meta Bradon Lee ta’ 28 sena – iben l-istilla Bruce Lee – kien tilef ħajtu b’inċident li wkoll kien jinvolvi prop gun. Hu kien qiegħed jaħdem il-film The Crow. Fid-dawl ta’ dan l-aħħar inċident, oħt Brandon Lee, Shannon kitbet fuq twitter fejn uriet is-sogħba għal din it-telf ta’ ħajja.

Ekonomija

Sport