Sunday, December 22, 2024

Tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika – Riforma tal-Iskema tal-Assistenza Personali għall-Persuni b’Diżabilità

Aqra wkoll

Ingħata bidu għal perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-iskema tal-Assistenza Personali għall-Persuni b’Diżabilità. Din ir-riforma, li se tkun qed titmexxa minn Aġenzija Sapport, hija miżura tal-manifest elettorali tal-Gvern. Id-dettalji dwar din ir-riforma tħabbru mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Il-pjan propost jinkludi l-kollaborazzjoni sħiħa ta’ diversi msieħba soċjali nkluż il-persuni b’diżabilità infushom, professjonisti u esperti ewlenin mis-settur tad-diżabilità, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u barranin fosthom il-European Network on Independent Living (ENIL).

Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet din ir-riforma bħala mixja ta’ nazzjon li jrid ikun minn ta’ quddiem fil-mixja lejn aktar indipendenza ta’ persuni b’diżabilità. “B’dak li qed nipproponu Malta se tkun wieħed mill-ewwel pajjiżi li se jkunu qed jimplimentaw is-servizz ta’ Assistenza Personali skont il-prinċipju tal-UNCRPD,” qalet Farrugia Portelli.

“Aħna rridu nneħħu l-biżgħat li jkollhom il-ġenituri għal dak il-punt meta huma jiġu nieqsa, li ħafna drabi jwassal biex jimbotta l-kunċett ġenitur ikun irid idaħħal bilfors lill-ulied b’diżabilità f’istituzzjoni. L-assistent personali joffri l-għodda meħtieġa biex persuna b’diżabilità tibqa’ tgħix b’mod indipendenti f’darha stess,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

F’messaġġ li għaddiet Ines Bulic, Direttur tal-European Network on Independent Living (ENIL), faħħret lil Malta għal dan il-pass li qed tieħu f’dak li hija ddeskriviet bħala għodda kruċjali għal ħajja indipendenti ta’ persuni b’diżabilità. Ines Bulic qalet li ENIL kienet u se tibqa’ tkun ta’ għajnuna lil Malta fl-implimentazzjoni ta’ din il-miżura u tinsab konvinta li Malta se tirnexxi fit-twettiq tagħha.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna rrefera lejn din ir-riforma bħala kruċjali fil-mixja lejn id- deistituzzjonalizzazzjoni ta’ persuni b’diżabilità, bl-għan li dawn ikunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Dan jirrikjedi li servizzi bħall-Iskema tal-Independent Community Living tkun ittrasformata f’waħda ta’ Assistenza Personali, waqt li tindirizza sfidi li servizzi u skemi kurrenti qed jippreżentaw.

Permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika, il-pubbliku qed jiġi mistieden jgħaddi s-suġġerimenti tiegħu dwar il-qafas li qed jiġi propost. Din ir-riforma se tkun qed tagħti lok għal opportunità akbar biex persuni b’diżabilità jkollhom aktar awtonomija fuq l-għażla ta’ assistenti personali. Dan għaliex il-persuna b’diżabilità se tkun tista’ tagħżel is-servizzi u l-assistent personali hi u tingħata r-riżorsi biex tkun tista’ tagħmel dan. Dan kollu jkun qed jikkumplimenta d-diversi servizzi offruti waqt li jfisser ukoll li jiġu modifikati servizzi kurrenti u jiġu żviluppati oħrajn ġodda.

Il-pubbliku hu mħeġġeġ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu sat-30 ta’ Novembru 2023 billi jaċċessa d-dokument tar-riforma proposta mis-sit www.konsultazzjoni.gov.mt. Wieħed jista’ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu permezz ta’ formola onlajn minn dan is-sit, jew permezz ta’ email fuq [email protected] jew bil-miktub fl-indirizz Aġenzija Sapport, Riforma Assistent Personali, Professional Development Centre, Triq il-Ħarrub, Santa Venera.

Ekonomija

Sport