L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Taxxa (CfR) nieda pjan strateġiku ta’ tliet snin, li jkopri l-perjodu mill-2023 sal-2025.
L-istrateġija se tittrasforma lis-CfR f’amministrazzjoni adattata għall-ekonomija li qed tevolvi filwaqt li tagħmel użu mill-benefiċċji tat-teknoloġija moderna. Ġie spjegat li l-ewwel pass se jkun li d-dipartimenti responsabbli mit-Taxxa fuq id-Dħul u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud jingħaqdu mad-Dipartiment tad-Dwana. B’hekk dawn l-entitajiet se jkunu qed jiffurmaw l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana laqa’ l-azzjonijiet ippreżentati f’dan il-pjan strateġiku u sostna li dan id-dokument huwa riżultat ta’ ħidma intensiva matul dawn l-aħħar sentejn. L-istrateġija hija maħsuba biex pajjiżna jkollu sistema tat-taxxa aktar effiċjenti u tiżgura l-ġbir tat-taxxi kollha dovuti.
“Tabilħaqq, il-mentalità ta’ dewmien tal-pagamenti dovuti u n-nuqqas ta’ konformità jeħtieġ li tinbidel għall-fini ta’ governanza tajba u ġusta. Żieda fil-konformità u l-effiċjenza tippermetti wkoll li l-piż tat-taxxa ta’ Malta jibqa’ relattivament baxx meta mqabbel mal-kontropartijiet Ewropej u b’hekk issostni l-iżvilupp ekonomiku u t-tkabbir tas-suq tax-xogħol,” qal il-Ministru Caruana.