Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, nieda l-Malta Business Wallet, proġett li se jkun qed inaqqas il-burokrazija u jżid l-effiċjenza biex b’hekk inkomplu niffaċilitaw l-operat u nsaħħu l-kunċett ta’ ‘ease of doing business’.
“Għal darb’oħra ħdimna flimkien; il-Gvern u l-entitajiet governattivi flimkien mal-imsieħba soċjali u s-settur privat, u flimkien erġajna wasalna biex nagħtu soluzzjonijiet konkreti. Waħda mill-ikbar sfidi li konna nisimgħu mingħand in-negozji kienet ir-realtà ta’ xogħol doppju li joħnoq l-effiċjenza. Qatt ma emmint fil-burokrazija żejda u permezz tal-Malta Business Wallet, se nkomplu nnaqqsuha. Din l-inizjattiva, li oriġinat bħala wegħda elettorali, illum qed issir realtà permezz tal-ħidma tal-Malta Business Registry u mistennija ssaħħaħ b’mod pożittiv il-kompetittività ta’ Malta bħala destinazzjoni attraenti għall-investiment. Dan mhuwiex proġett iżolat, iżda huwa mibni b’mod li jkun jista’ jingħaqad ma’ proġetti oħra kemm dawk lokali u dawk Ewropej,” stqarr il-Ministru Silvio Schembri.
Huwa żied, “Fl-aħħar Kunsill tal-Unjoni Ewropea li attendejt, għadhom kif bdew id-diskussjonijiet rigward il-Business Wallet fuq livell Ewropew. Bħala pajjiż għandna nkunu kburin ħafna li, filwaqt li oħrajn għadhom qed jiddiskutu dan il-kunċett, aħna llum diġà qed nimplimentawh. Dan ipoġġina f’pożizzjoni ferm aħjar u aktar avvanzat minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.”
Il-Ministru Schembri nnota wkoll li l-livell ta’ fiduċja u domanda għall-proġett diġà huwa evidenti, hekk kif aktar minn 40 negozju u sidien ta’ negozji qed jipparteċipaw f’din l-ewwel fażi, b’dan in-numru mistenni jkompli jiżdied gradwalment.
Il-proċess beda fl-2023 permezz ta’ twaqqif ta’ steering committee fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, għal iktar koordinament u sinerġija bejn entitajiet governattivi. Dan ġie segwit minn analiżi tas-suq u l-għoti tat-tender, li witta t-triq għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proġett innifsu. Il-kunċett inizjali kien is-Central Data Repository, madankollu bħala Gvern tkompla x-xogħol sakemm illum qed inwaqqfu uffiċjalment il-Malta Business Wallet.
Il-Malta Business Wallet se jintroduċi:
- Il-prinċipju ta’ “once only” fejn tidħol id-due diligence;
- Sistema aktar standardizzata;
- Tnaqqis fid-dewmien mhux neċessarju;
- |ieda fl-effiċjenza.
“Il-Malta Business Wallet se jkun bidla importanti għall-ekosistema tan-negozju f’pajjiżna. L-involviment ta’ diversi entitajiet f’dan l-istadju importanti se jkompli jsaħħaħ il-fiduċja bejn is-settur pubbliku u l-komunità tan-negozju. Bħala l-Malta Business Registry, nibqgħu impenjati li nwasslu servizzi effiċjenti u effettivi,” spjegat il-Kap Eżekuttiv u r-Reġistratur tal-Malta Business Registry, Dr Geraldine Spiteri Lucas.
Il-Malta Business Wallet se jagħti s-setgħa lis-sidien tan-negozji biex jikkontrollaw u jawtorizzaw b’mod sigur l-aċċess għall-informazzjoni tagħhom, b’konformità sħiħa mar-regolamenti tal-GDPR.
Il-Malta Business Wallet huwa disponibbli bħala applikazzjoni fuq l-Apple Store u l-Play Store.
“Bħala Gvern, se nkomplu nħarsu ’l quddiem biex naraw l-impatt pożittiv li dan il-proġett se jkollu fuq il-prestazzjoni ekonomika u fuq il-futur diġitali ta’ Malta,” enfasizza l-Ministru Silvio Schembri.


