Thursday, May 14, 2026

Il-progress ekonomiku li rnexxielu jibni Gvern Laburista qed jiftaħ it-triq għal aktar inċentivi għall-għaqdiet volontarji

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-faċilitajiet tal-Fondazzjoni Inspire f’Marsascala, il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela tkellem dwar ix-xogħol importanti li jitwettaq mill-ħaddiema u dawk kollha involuti f’din il-Fondazzjoni – persuni li b’dedikazzjoni u professjonalità jagħtu servizzi essenzjali lill-persuni b’diżabilità. Huwa qal li din il-Fondazzjoni matul is-snin baqgħet tagħraf il-potenzjal ta’ dawn il-persuni u taħdem favur soċjetà dejjem aktar ġusta u inklussiva.

Dr Abela semma li Gvern Laburista se jkun qed jappoġġja l-proġett taċ-Ċentru Stubbs f’Wied il-Għajn permezz ta’ fondi tal-Gvern u fondi Ewropej li nkisbu u li huma allokati speċifikament għal dan il-proġett. Ċentru Stubbs se jkun qed isir b’investiment multi miljunarju, fi spazju ta’ 8,000 metru kwadru, u għandu l-għan li jwessa’ is-servizzi u jipprovdi spazju ta’ taħriġ u opportunitajiet ta’ xogħol għall-persuni b’diżabilità.

Huwa tkellem ukoll dwar l-appoġġ li qed jingħata għal park multi-sensorjali ġdid, li se jkun amministrat minn Project Green u se jkun qed iservi bħala spazju terapewtiku u jtejjeb il-wellbeing tal-persuni u l-familji tagħhom.

Dr Abela għamel ukoll referenza għal bosta miżuri li diġà tħabbru u li huma maħsuba biex ikunu mal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom f’kull pass tal-ħajja.

Il-Prim Ministru kompla jgħid kif is-soċjetà tgawdi bil-kbir mill-volontarjat. Huwa qal li l-għaqdiet volontarji għandhom rwol ċentrali u essenzjali fil-komunitajiet tagħna, mhux biss jagħmlu l-ġid iżda ukoll għax iħarsu l-identità ta’ pajjiżna.

Huwa semma kif il-Gvern investa b’mod konkret fil-festa Maltija, fosthom permezz ta’ nefqa ta’ €30 miljun li salvat ħmistax-il soċjetà mużikali mill-iżgumbrament. Qal ukoll li din l-għajnuna se tkompli fis-snin li ġejjin, sabiex id-dħul iġġenerat minn dawn il-każini jkun jista’ jintuża biex jassisti proġetti kbar oħra mwettqa mis-soċjetajiet mużikali.

Ħabbar li fil-leġiżlatura li jmiss se jkun qed jingħata appoġġ lill-Għaqda Każini tal-Banda sabiex isir xogħol ta’ rinnovar u manutenzjoni fuq il-binja tagħhom fil-Floriana, u se jiġi attrezzat il-post biex jgħin fix-xogħol amministrattiv tal-għaqda.

Fl-istess waqt ħabbar li se jkunu qed jiġu simplifikati l-proċessi għall-ħruġ tal-permessi u eliminati proċessi doppji relatati mal-attivitajiet soċjali tal-għaqdiet tal-festi, waqt il-festi u anke għall-ħruq tal-logħob tan-nar.

Dr Abela semma li fl-aħħar xhur Gvern Laburista ikkonsulta mal-għaqdiet volontarji sabiex tlesta abbozz ta’ liġi li jsaħħaħ il-qafas leġiżlattiv tas-settur tal-volontarjat. Il-proċess parlamentari relatat ma’ dan l-abbozz ta’ liġi se jibda fil-bidu tal-leġiżlatura li jmiss. L-emendi proposti għandhom jassiguraw li jkun hemm kategoriji differenti ta’ għaqdiet volontarji, jingħata appoġġ addattat lill-għaqdiet skont il-ħtiġijiet tagħhom u jiġu ssimplifikati l-obbligi ta’ rappurtaġġ.

Fl-istess waqt Partit Laburista fil-Gvern se jkun qed jara li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji jkompli jiżviluppa sabiex isir l-interface għall-organizzazzjonijiet volontarji u b’hekk ma jkunx hemm bżonn li d-dokumentazzjoni tiġi sottomessa ripetutament lil regolaturi u entitajiet oħra.

Il-Prim Ministru tenna li hemm domanda biex aktar għaqdiet ikollhom minn fejn jaħdmu. Dan anki jekk fl-aħħar snin Gvern Laburista ħadem qatigħ sabiex l-għaqdiet volontarji jinstabulhom binjiet minn fejn jaħdmu, jikkonsolidaw it-titlu tagħhom fuq proprjetajiet tal-Gvern u jħallsu rati ta’ kera aktar baxxi. Qal li l-ħidma fuq dawn l-għanijiet se tibqa’ għaddejja sabiex kemm jista’ jkun għaqdiet volontarji jkollhom spazju minn fejn joperaw. F’dan il-kuntest ħabbar li għaqdiet li ma jużawx proprjetajiet tal-Gvern se jirċievu għajnuna finanzjarja li tgħinhom ikopru spejjeż relatati mal-kera jew ix-xiri tal-proprjetà.

Ħabbar li l-inċentiv relatat mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma li bħalissa japplikaw għall-għaqdiet volontarji li jaħdmu fid-diżabilità u l-ħarsien tal-annimali se jkunu qed japplikaw ukoll għall-għaqdiet volontarji kollha. Wiegħed ukoll li dawk l-organizzazzjonijiet li jużaw binja se jkomplu jiġu mgħejuna sabiex jinstallaw faċilitajiet ta’ enerġija rinnovabbli u b’hekk jeħilsu kompletament mill-ispejjeż.

Dr Abela nnota kif is-Servizz Pubbliku għandu sistema li biha jkollu ħaddiema jaħdmu f’organizzazzjonijiet volontarji. Huwa ħabbar li se jkunu qed jiddaħħlu arranġamenti ġodda sabiex il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku jkunu jistgħu jaħdmu f’għaqdiet volontarji għal numru ta’ ġranet minflok full-time. Barra minn hekk, Gvern Laburista se jkun qed iħeġġeġ kumpaniji privati jidħlu f’arranġamenti simili bħala parti mill-istrateġija ta’ responsabbiltà soċjali tagħhom.

Il-Prim Ministru għamel ukoll referenza għall-impatt pożittiv li tħalli fil-formazzjoni taż-żgħażagħ esperjenza ta’ volontarjat barra mill-pajjiż. Huwa ħabbar li se tkun qed jittejjeb l-inċentivi tal-iskema Youth Volunteer Overseas u minbarra l-għajnuna relatata mal-ispiża tas-safar, l-għajnuna li tingħata lil żgħażagħ li jieħdu sehem se titla’ għal tletin ewro kuljum.

Semma kif għaqdiet mhux governattivi li japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea jidħlu fi spejjeż relatati mal-applikazzjoni u l-ġestjoni tal-proġetti, għalhekk se jkun qed jingħata taħriġ lill-għaqdiet mhux governattivi sabiex jiffrankaw spejjeż relatati ma’ servizzi ta’ konsulenza. Barra minn hekk, se tiġi pprovduta assistenza finanzjarja lil dawn l-għaqdiet sabiex tgħinhom jaċċessaw fondi tal-Unjoni Ewropea u jwettqu l-proġetti tagħhom.

Dr Abela ħabbar ukoll li l-għaqdiet volontarji se jkunu qed jiġu mgħejuna b’taħriġ bażiku dwar is-saħħa u s-sigurtà sabiex ikunu jistgħu jwettqu proġetti bl-għarfien u l-preparazzjoni meħtieġ. Fl-istess waqt, qed tkun qed tingħata ukoll għajnuna mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (l-OHSA) biex jagħmlu risk assessments fi proġetti kbar li jkollhom.

Il-Prim Ministru saħaq li llum nistgħu nitkellmu fuq li ninċentivaw il-volontarjat għax għaddejna minn progress ekonomiku li bih nistgħu nħarsu lejn ħtiġijiet soċjali oħra. Huwa temm jgħid li dawn il-proposti huma parti minn pedament li fih irridu nibnu sisien soċjali b’saħħithom li jkomplu jkattru l-ġid u jsaħħu l-wellbeing tas-soċjetà tagħna.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia qalet li Gvern Laburista mhux biss jemmen fl-għaqdiet volontarji imma se jkompli jaħdem spalla ma’ spalla magħhom bi proġetti f’setturi differenti fosthom fid-diżabilità’.

Hija rrimarkat kif f’Malta għandna kważi 2,000 għaqda li kollha kemm huma qed iħallu marka b’saħħitha u b’kontribut soċjo-ekonomiku sostanzjali.

Il-Ministru Farrugia qalet li l-proposti mħabbra mill-Prim Ministru se jkunu qed jindirizzaw u jgħinu lill-għaqdiet volontarji b’hekk jindirizzaw ċertu sfidi li dan jiffaċċjaw tul il-ħidma tagħhom u fl-istess waqt nipproteġu lill-volunitiera li jagħtu s-sehem tagħhom.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li l-għaqdiet volontarji jiġbru fihom eluf ta’ voluntiera li jagħtu sehemhom b’mod professjonali. F’dan il-kuntest, qal li l-proposti mħabbra se jgħinu biex isaħħu u jkabbru s-servizz u l-ħidma ta’ dawn l-għaqdiet, kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna.

Il-Ministru Grima qal li l-miżuri mħabbra huma maħsuba wkoll biex iħeġġu aktar nies jagħtu sehemhom fis-settur tal-volontarjat. Huwa għamel referenza wkoll għall-għajnuna mmirata biex tħarreġ u tassisti lill-għaqdiet f’dak li għandu x’jaqsam mar-risk assessment u s-saħħa u s-sigurtà. Qal li, flimkien ma’ proposti oħra, din l-għajnuna se tkompli tiffaċilita l-proċessi li jkunu meħtieġa jgħaddu minnhom l-għaqdiet volontarji f’Malta u Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport