Friday, May 3, 2024

Tnedija tal-Proġett tal-Mini Handball u l-istaġun ġdid tal-Handball

Aqra wkoll

Il-Ġimgħa li għadda, il-Malta Handball Association nediet il-Proġett Mini-Handball #ForTheFuture. Fl-introduzzjoni Alan Grima spjega li ġie żviluppat proġett dettaljat u magħmul apposta, fejn l-għan primarju ġie stabbilit fuq l-iżvilupp ta’ plejers żgħar tal-handball. Dan il-proġett li se jkun maqsum f’fażijiet fuq perjodu ta’ 3 snin u jinkludi inizjattivi oħra, ser tfittex li timplimenta attivitajiet ta’ mini-handball ta’ kull ġimgħa f’20 skola statali u mhux statali b’koordinazzjoni mal-klabbs lokali kollha. Ġew identifikati diversi miri speċifiċi u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-assoċjazzjoni u l-klabbs se jkunu qed jaħdmu flimkien fuq l-inizjattivi kollha li se jittieħdu. Matul l-istaġun se jiġu organizzati sitt festivals tal-mini-handball għall-kategoriji U8 u U10. Barra minn hekk, l-iskejjel parteċipanti se jkunu pprovduti b’tagħmir ta’ taħriġ.

L-MHA tat ukoll informazzjoni dwar l-istaġun il-ġdid tal-handball, li beda nhar is-Sibt biż-żewġ Finali tas-Super Cup. B’kollox irreġistraw 33 tim biex jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet differenti organizzati matul l-istaġun il-ġdid tal-handball. It-tieni kompetizzjoni se tkun it-Tazza Louis Borg, li se tkun segwita minn tmien Leagues nazzjonali: il-kategoriji tal-kbar irġiel u nisa u U21, u subien u bniet U17 u U15. Il-kompetizzjonijiet Knock-Out f’dawn il-kategoriji kollha se jtemmu l-istaġun tal-handball 2022-2023.

L-istaġun 2022-2023 se jkun staġun impenjattiv ħafna għall-komunità tal-handball. Se jiġi organizzat Kors tal-Livell 1 fil-Coaching tal-Handball b’kollaborazzjoni mal-Federazzjoni Ewropea tal-Handball għal kull min ifittex li jsegwi karriera ta’ kowċing fil-handball. Bejn il-11 u s-16 ta’ Ottubru, it-Tim Nazzjonali tagħna tal-Irġiel U20 se jkun fi Pristina Kosovo għall-IHF Trophy – Żona Ewropea. Malta se tkun qed tilgħab kontra Andorra, il-Bulgarija, il-Gran Brittanja, u tospita lill-Kosovo. Aktar kompetizzjonijiet internazzjonali għat-timijiet nazzjonali se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.

Tragward importanti huwa l-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida ta management software, proġett li beda aktar minn sena ilu li se jipprovdi karatteristiċi ta’ reġistrazzjoni elettronika għall-klabbs u timijiet, Liveticker għal-logħbiet kollha li jista’ jiġi aċċessat permezz tal-websajt tal-assoċjazzjoni, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ digital match report tal-partiti li se jiffaċilita x-xogħol li jsir fuq il-mejda waqt il-logħob. Tragwardi oħra huma r-re-instatement ta’ amministratur fl-uffiċċju u t-tlestija tal-Ħamrun Handball Hall.

Il-President tal-MHA, is-Sur Paul Zammit irringrazzja lill-imsieħba ewlenin u l-istakeholders li qed jappoġġjaw lill-MHA u l-proġett, lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u Sport, lill-Federazzjoni Ewropea tal-Handball, SportMalta u lill-Kumitat Olimpiku Malti, lill-IPES u lill-MCAST. Stqarr ukoll li l-Mini-Handball #ForTheFuture huwa proġett ambizzjuż magħmul apposta li sar wara diversi laqgħat u diskussjonijiet. In-numru ta’ parteċipanti li attendew il-kors tal-mini-handball kien pożittiv u inkoraġġanti ħafna. Saħaq ukoll kemm hu importanti li fit-tfal u s-soċjetà tagħna nrawmu sens ta’ mħabba lejn l-isport, u l-ħtieġa li wieħed jilgħab l-isport bħala aspett importanti ta’ ħajjithom.

Dr Julian Bauer Espert tal-EHF u li mexxa l-kors tal-mini-handball stqarr kemm kien impressjonat bin-numru ta’ parteċipanti fil-kors tal-mini-handball u l-livell ta’ parteċipazzjoni tagħhom u saħaq li l-EHF qed tħares ’l quddiem biex tippromwovi l-mini-handball f’Malta.

Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru Onorarju għall-Edukazzjoni u Sport Dr. Clifton Grima li faħħar ix-xogħol u l-isforz li għamlet l-MHA biex tiżviluppa l-handball f’Malta, u r-rispett li tirċievi mill-EHF. Spjega li mill-ewwel approva l-proġett li għandu l-għan li jinvesti fil-grassroots u huwa ċar li dan huwa eżempju li jrid jiġi segwit minn għaqdiet oħra.

Is-Sur Michael Wiederer, President tal-Federazzjoni Ewropea tal-Handball indirizza wkoll l-avveniment permezz ta’ messaġġ bil-vidjo. Huwa enfasizza l-importanza tal-Master Plan tal-EHF u s-seba’ plejers li għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-handball. L-MHA, bħala wieħed mill-ewwel tliet nazzjonijiet Ewropej li ssieħbu fil-Master Plan tal-EHF se tkun assistita aħjar biex tkompli tiżviluppa l-handball f’Malta permezz tal-ftehim ta’ kooperazzjoni.

Sport