Wednesday, April 8, 2026

Tnedija tat-tieni fażi tal-proġett tal-Fisheries Hub fil-Marsa

Aqra wkoll

Il-Ministru Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, żaru l-proġett tal-Fisheries Hub fil-Marsa li se jospita d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura. Din iż-żjara mmarkat it-tlestija tal-kostruzzjoni tal-binja b’investiment ta’ madwar €1.2 miljun. Il-proġett issa se jgħaddi għat-tieni fażi fejn b’investiment ta’ madwar €2.2 miljun se jibda x-xogħol ta’ finishings wara li ġie konkluż proċess ta’ tender pubbliku.

Din il-binja hija mifruxa fuq erba’ sulari u se tkun mgħammra b’faċilitajiet u tagħmir teknoloġiku li se jipprovdu servizz aktar effiċjenti b’infrastruttura moderna biex jaqdu l-bżonnijiet tad-Dipartiment u s-settur tas-sajd lokali. Dan il-proġett ikompli jsaħħaħ l-impenn tal-Gvern fl-investiment strateġiku lejn is-settur tas-sajd.

Dan il-proġett huwa parti minn viżjoni usa’ fejn se ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, tipprovdi infrastruttura aktar effiċjenti u sostenibbli u li se tikkontribwixxi ukoll għar-riġenerazzjoni tal-Marsa.

It-tieni fażi tal-proġett se tinkludi xogħlijiet ta’ tikħil, żebgħa, tqegħid tal-madum, sistemi tal-ilma u tal-elettriku, installazzjoni tal-air conditioning, aperturi u xogħlijiet oħra meħtieġa biex il-binja tkun lesta għall-aħħar stadju tagħha.

Il-Ministru Anton Refalo sostna li dan il-proġett miexi b’pass tajjeb u b’impenn sabiex jitlesta fil-ħin u bl-ogħla standards ta’ kwalità. Huwa enfasizza wkoll li din il-binja mhijiex biss infrastruttura ġdida, iżda parti minn bidla akbar li se tikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, żona ta’ importanza storika u ekonomika kbira, filwaqt li tkompli ssaħħaħ attività ekonomika sostenibbli marbuta mas-sajd.

Il-Ministru Refalo żied jgħid li dan il-proġett jaqa’ taħt it-tielet pilastru tal-Istrateġija Nazzjonali tas-Sajd, speċifikament il-miżura li tiffoka fuq l-investiment fl-infrastruttura u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-settur, bħala parti minn pjan fit-tul li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-sajd f’Malta.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li l-proġett tal-Fisheries Hub huwa investiment għas-sajjieda, għall-ħaddiema u għall-komunità kollha, u jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern biex joffri servizzi ta’ kwalità ogħla u jassigura futur sostenibbli għas-settur tas-sajd f’Malta.

Is-Segretarju Parlamentari żiedet li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jinvesti f’dan is-settur għax jemmen bis-sħiħ fil-ħidma u s-servizz li s-sajjieda lokali jagħtu lill-komunità. “Qed inħabbru proġett wara ieħor għax nagħrfu l-importanza tas-sajjieda tagħna. B’ċentru modern u ċentrali bħal dan fil-Marsa, fejn se jinġabru flimkien diversi servizzi relatati mas-settur tas-sajd, is-servizz mogħti mill-uffiċjali pubbliċi se jkompli jsir aktar effiċjenti,” qalet Bugeja Said.

Hija żiedet li l-Fisheries Hub se joffri faċilitajiet aħjar u aktar aċċessibbli, b’konnessjoni aktar viċin tal-pixkerija, il-Marine Section u l-landing site, sabiex is-servizzi jkunu aktar koordinati u konvenjenti.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali għas-Sajd u l-Akwakultura, Bjorn Azzopardi, qal: “Permezz ta’ dan l-investiment, se ntejbu l-kwalità tax-xogħol u nżidu l-effiċjenza u, flimkien ma’ sistema diġitali, se nkunu nistgħu nilħqu l-għan ta’ servizz eċċellenti. Il-Fisheries Hub se jipprovdi spazju sigur u aċċessibbli kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-klijenti, filwaqt li jkun bini mfassal b’kunsiderazzjonijiet ambjentali u sostenibbli.”

Huwa żied li l-proġett jinsab miexi b’ritmu tajjeb, issa li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni huma kompluti u jinsabu fit-tieni fażi tal-finishings. Azzopardi spjega li dan iċ-ċentru se jiffaċilita l-ħidma ta’ kuljum tas-sajjieda billi jġib flimkien diversi funzjonijiet essenzjali f’post wieħed.

Dan il-proġett se jikkontribwixxi wkoll għall-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Marsa, b’investiment li mhux biss isaħħaħ is-settur tas-sajd, iżda jtejjeb ukoll l-ambjent urban u juri b’mod ċar il-viżjoni tal-Gvern għal komunitajiet aktar moderni u sostenibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport